Il-Kap tal-Oppożizzjoni mistoqsi minn sitt itfal

Għal dawn il-jiem ta’ festi ‘Popolin’ xandar tliet programmi speċjali. F’dawn il-programmi b’differenza sitt itfal ċkejknin ħadu post il-ġurnalisti u staqsew sensiela ta’ mistoqsijiet lill-President ta’ Malta kif ukoll liż-żewġ kapijiet politiċi.

It-tfal bdew minnufih jistaqsu mistoqsijiet varji fosthom; x’kien żball li jixtieq li ma jerġax jagħmel, x’inhu l-kulur u l-ikel favorit, jekk kienx hemm xi rigal li xtaq imma qatt ma rċieva, jekk iħobbx il-football, liema kien il-cartoons li jħobb jara u x’inhi l-iktar ħaġa li jħobb f’pajjiżna. Dr. Grech tenna li jogħġbu ħafna l-fatt li pajjiżna hija gżira żgħira għaliex għalkemm dan il-fatt iġib miegħu xi ftit żvantaġġi jgħaqqadna ħafna bħala poplu. Sirna nafu li l-Kap tal-Oppożizzjoni mhuwiex raġel materjalist u jikkuntenta b’kollox, iħobb il-qari u dilettant tal-kaligrafija. Qalilna li jsegwi ħafna l-futbol u jżomm mat-tim tal-Liverpool. Skoprejna wkoll li meta kien tifel, kien iħobb isegwi l-cartoons ta’ Tom and Jerry u ammetta li jekk jinzerta xi episodju llum il-ġurnata xorta jibqa’ jarah. Fejn jidħol l-ikel qalilna li jħobb jiekol prattikament kollox, idejqu biss il-pitravi.

Dr. Grech enfasizza l-importanza tal-valur tal-familja. Tenna li qabel ma daħal fix-xena politika kellhom regola bħala familja li kuljum jiltaqgħu biex jieklu flimkien għall-ħabta ta’ tlieta ta’ waranofsinhar. Illum il-ġurnata jagħmlu mezz biex xi ħin jew ieħor jaraw lil xulxin anke jekk għal ftit ħin. Żied jgħid kemm hu essenzjali li aħna bħala adulti ma nabbux lit-tfal tagħna b’responsabbiltajiet żejda, speċjalment meta jkun hemm diffikultajiet bejn il-ġenituri.

Popolin