Politika
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li qed jirritornaw fil-PN nies li kienu telqu fil-passat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li diversi persuni li kienu telqu mill-Partit Nazzjonalista fil-passat qed jersqu għax jemmnu li l-partit qed jissaħħaħ u jinbidel.

F’intervista min-news manager ta’ Newsbook, il-Kap Nazzjonalista qal li l-maħfriet presidenzjali għandhom jingħataw meta ma jkun hemm l-ebda triq oħra u sostna li kieku l-istituzzjonijiet ħadmu, ma ninsabux fis-sitwazzjoni li biex jissolva każ iridu mmorru għand il-kriminali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech qal li l-maħfriet presidenzjali m’għandhomx jingħataw mill-ewwel iżda meta ma jkunx għad fadal triq oħra.

F’intervista man-news manager ta’ Newsbook Charmaine Attard, Dr Grech iċċara d-dikjarazzjoni li għamel ftit ilu dwar jekk Yorgen Fenech għandux jingħata maħfra presidenzjali, bil-Kap Nazzjonalista jwieġeb li jekk jiġu eżawriti l-investigazzjonijiet ikun lest li jagħti l-proklama lil xi kriminali biex jgħaddi tagħrif dwar reati serji.

Dr Grech qal li bħalissa l-Pulizija qed jinvestigaw lid-deputati Karol Aquilina u Toni Bezzina. Saħaq li meta tinkiser il-liġi, għandhom isiru l-investigazzjonijiet u jittieħdu l-passi. Mistoqsi dwar hux se jitlob għar-riżenja tad-deputat Bezzina, Dr Grech qal li d-deċiżjoni jeħodha meta joħorġu l-akkużi kontrih.

Mistoqsi dwar jekk hux lest li jaħdem ma’ ex Nazzjonalisti li ħallew lill-partit, fosthom l-ex deputat Franco Debono, Dr Grech qal li Dr Debono għandu ħafna x’joffri u qal li lest jesplora l-possibilità li jippaċifika ma’ min telaq lill-Partit Nazzjonalista fis-snin li għaddew.

Dwar ir-riżultati tal-istħarriġ dwar kif inhu l-polz tal-elettorat bħalissa fil-konfront taż-żewġ partiti u ż-żewġ mexxejja, Dr Grech wieġeb li dawn juru biss ritratt ta’ ġurnata u qal li jonqos ħafna iktar ħidma mill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jattira l-votanti lejh.

Il-Kap Nazzjonalista tkellem dwar ir-riforma tal-użu tal-kannabis bi skop rikreattiv u qal li qed jikkonsulta mal-esperti fil-qasam, kif ukoll ma’ għaqdiet favur u kontra għax qal din hija kwistjoni serja li trid tiġi trattata b’tali mod.

Dwar l-immigrazzjoni qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ipoġġi l-interessi ta’ Malta l-ewwel, iżda ma jabbandunax d-drittijiet fundamentali tal-persuni u l-obbligi internazzjonali. Skont Dr Grech, l-immigrazzjoni trid tiġi indirizzata fil-pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti u mhux il-Libja.

Mistoqsi dwar il-pandemija, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern ġie fi kliem l-Oppożizzjoni li t-tilqima mhijiex l-unika soluzzjoni/ Sostna li kieku kien hu Prim Ministru, ma kienx ikun hemm għalfejn nagħlqu issa u nimponu miżuri għax kien jara li jittieħdu l-aħjar deċiżjonijiet fil-mument opportun.

Dwar Għawdex, qal il-Partit Laburista ħela ħafna ħin dwar il-kwistjoni tal-mina; filwaqt li mistoqsi dwar xi tfisser paġna ġdida għal pajjiżna, Dr Grech wieġeb li din ma tfissirx biss li jkollok wiċċ ġdid, iżda li tkun persuna nadifa, twettaq il-ġid u sservi lill-poplu Malti.