Politika
AĠĠORNAT: Il-Gvern u l-PL jirreaġixxu għat-talba tal-Kap tal-PN għat-twaqqif ta’ kummissjoni dwar il-qtil ta’ DCG

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija iffirmata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sejjaħ għat-twaqqif ta’ kummissjoni speċjali awtonoma u indipendenti dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Qal li din il-kummissjoni għandha tgawdi l-fiduċja wiesgħa tal-pajjiż.

Fl-istqarrija tiegħu, Dr Delia qal li l-kummissjoni għandu jkollha l-inkarigu li tidentifika n-nuqqasijiet li qal seħħew fil-protezzjoni li l-Gvern kellu jagħti lill-ġurnalista u baqa’ ma tahiex. Il-kummissjoni ghandha tistħarreġ x’kienu jafu l-awtoritajiet dwar movimenti li kienu qed iseħħu u li setgħu jindikaw theddida għall-hajja tas-Sinjura Caruana Galizia.

Il-kummissjoni, qal Dr Delia, għandha tinvestiga jekk l-awtoritajiet naqsux milli jaġixxu b’mod immedjat fid-dawl ta’ dak li kienu jafu biex jipproteġu ħajjet il-ġurnalista.

Fl-istqarrija ngħad ukoll li fid-dawl li sena wara l-qtil tas-Sinjura Caruana Galizia għadu ma ġiex identifikat min ordna dan il-qtil, Dr Delia qal lill-Gvern jgħid ċar x’għamel u x’għadu qed jagħmel il-Korp tal-Pulizija biex isib il-mandant ta’ dan il-qtil.

Il-Kap Nazzjonalista talab ukoll t-tneħħija tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-ħatra ta’ Kummissarju serju li ghandu jidderieġi b’indipendenza t-tiftix u l-qbid tal-mandant.  Żied jgħid li l-Kummissarju attwali għandu evidentement jiġi nvestigat mill-kummissjoni speċjali.

Il-Kap Nazzjonalista qal li qed jagħmel dawn it-talbiet fid-dawl tal-aħħar żviluppi fosthom id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fuq l-involviment tad-Deputat Kummissarju Silvio Valletta fl-investigazzoni u dak li rrapurtat il-midja Taljana fuq il-Ministru Chris Cardona.

Reazzjoni tal-Partit Laburista

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li Dr Delia kellu jitlob inkjeta dwaru nnifsu u mhux dwar kwistjonijiet li llum huma diġà nvestigati minn awtoritajiet indipendenti.

Jingħad ukoll li t-talba tal-Kap tal-PN hija attentat fjakk ta’ min jipprova jieħu kontroll tal-Partit li jmexxi iżda jaaf li diffiċli jagħmel dan għax għandu problema ta’ kredibilità.

Intqal ukoll fl-istqarrija tal-PL li l-aġir ta’ Dr Delia jista’ jkun xkiel għall-investigazzjonijiet li għaddejjin u fl-istess waqt qed jiddikjara li m’għandux fiduċja f’awtoritajiet ġudizzjarji li sal-aħħar jiem stess kien qed imur quddiemhom biex jieħu r-raġun.

Il-PL qal li bħal Simon Busuttil donnu Dr Delia għandu fiduċja fil-Qorti biss meta tgħidlu li għandu raġun.   Fl-istqarrija l-PL jgħid li kien ikun tajjeb ukoll li Dr Delia jwieġeb jekk jemminx li Egrant hi tal-Prim Ministru bħal Simon Busuttil.

Reazzjoni tal-Gvern

Il-Gvern, fi stqarrija separata, qal li ħafna mill-punti li semma l-Kap tal-Oppożizzjoni diġà huma suġġetti għal investigazzjoni u l-Gvern qed iħeġġeġ lil kull persuna f’Malta, inkluż lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li jgħaddi kwalunkwe informazzjoni li tista’ tgħin fl-investigazzjonijiet.

Fl-istqarrija, il-Gvern irrefera wkoll għall-korrispondenza li għaddejja bejn l-Avukat Ġenerali u l-avukati tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia dwar il-mertu ta’ inkjesta pubblika f’dan ir-rigward fejn l-avukati tal-familja Caruana Galizia intalbu jirreaġixxu għal numru ta’ kwistjonijiet legali li jqumu f’każ ta’ ħolqien ta’ inkjesta pubblika fl-istess waqt li jkunu għaddejjin investigazzjonijiet ta’ natura kriminali.

Intqal li waqt li hu fundamentali li jiġu evitati sitwazzjonijiet jew deċiżjonijiet li jippreġudikaw l-investigazzjonijiet kriminali li jinsabu għaddejja, m’hemm xejn li jeskludi xi tip ta’ inkjesta oħra fi stadju ulterjuri sakemm ma jiġix arrekat dan il-preġudizzju.

Aħbarijiet Oħra
Ekonomija u Finanzi

Skont il-Forum Ekonomiku Dinji, Malta tinsab fis-36 post minn 140 pajjiz fil-klassifika tal-aktar ekonomiji kompetittiva fid-dinja. Dan joħroġ mill-Indiċi tal-Kompetittività Globali għal din is-sena li ġie ppubblikat illum. Sadanittant Indiċi…

Immigrazzjoni

Il-Forzi Armati ta’ Malta salvaw 44 immigrant li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu fuq dgħajsa tal-injam 58 mil nawtiku ‘l barra min-Nofsinhar ta’ Lampedusa. Fi stqarrija, l-AFM qalet li…

Temp

Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku l-jumejn li ġejjin se jkunu ddominati mix-xita u r-ragħad. Il-maltemp li mistenni jaħkem lil Malta mil-lejla se jdum għaddej matul dal-jumejn. F’każ ta’ maltemp wieħed huwa mħeġġeġ…

Aktar