Lokali
Il-Kap tal-PN iwiegħed li jipproteġi ż-żoni barra l-konfini tal-iżvilupp

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li jekk ikun elett fil-Gvern jipproteġi ż-żoni barra l-konfini tal-iżvilupp b’żewġ terzi tal-voti fil-Parlament. Waqt sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, Dr Grech qal li dawn iż-żoni jistgħu jintmessu biss jekk tinqala’ l-ħtieġa għall-ġid komuni tal-poplu fosthom skejjel jew sptarijiet.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar il-bżonn li l-pajjiż ikollu iktar spazji pubbliċi għat-tgawdija tan-nies. Dr Grech wiegħed li Gvern Nazzjonalista jesplora l-possibbiltà li jixtri artijiet mill-privat bil-prezz tas-suq biex jibdilhom fi spazji pubbliċi għall-ġid ta’ kulħadd.

Dwar l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni tal-pjani lokali tal-2006, Dr Grech qal li l-iżvilupp li qed naraw fil-pajjiż bħalissa mhuwiex riżultat tal-bdil fil-pjani lokali li seħħ fi Gvern Nazzjonalista.

Dr Grech tkellem dwar il-bżonn li l-pajjiż jagħmel il-qalba għal vetturi elettriċi. Irrimarka li f’Malta bħalissa 4,000 vettura taħdem bl-elettriku iżda qal li m’hawnx biżżejjed charging points għalihom. Wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jaħdem biex sal-2030 f’Malta jkun hawn 200,000 karozza li jaħdmu bl-elettriku fosthom billi jinċentiva lin-nies jixtru iktar vetturi elettriċi.

Dwar il-proposta ta’ jott marina f’Wied il-Għajn, Dr Grech tenna l-pożizzjoni kontra dan il-proġett u qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ favur ir-residenti.