Lokali
Il-Kap tal-PN iwiegħed żieda fil-pagi u titjib fil-kundizzjonijiet tal-għalliema

F’sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba bit-tema ‘Kun il-Bidla’, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li jekk il-Partit Nazzjonalista ikun fil-Gvern, iwettaq riformi radikali fis-salarji u l-kundizzjonijiet tal-għalliema.

Qal li jeħtieġ bidla fil-mentalità fil-mod kif l-edukaturi huma stmati fis-soċjetà. Fl-attività f’Ħ’Attard, Dr Grech qal li filwaqt li Gvern immexxi mill-Partit Laburista jħares lejn l-għalliema bħala persuni li jieħdu ħsieb lit-tfal biex il-ġenituri jmorru jaħdmu, il-Partit Nazzjonalista jħares lejhom bħala edukaturi li qed jiffurmaw l-personalità u l-imħuħ tat-tfal.

Dr Grech qal li Malta qed tiffaċċja diffikultajiet biex tattira biżżejjed għalliema u biex jibqgħu fil-professjoni bil-konsegwenza li għalliema ta’ esperjenza qed iħallu l-impjieg għal xogħol ieħor. F’dan l-isfond, hu qal li s-salarji tal-edukaturi għandhom jitjiebu mil-livell bażiku u jiżdiedu b’mod regolari.

Il-Kap Nazzjonalista qal li Gvern immexxi minnu jassigura li ż-żidiet fil-pagi u t-titjib fil-kundizzjonijiet ikunu fis-seħħ b’mod ugwali fl-iskejjel pubbliċi, privati u tal-knisja. Żied jgħid li mill-Gvern, il-Partit Nazzjonalista jinvesti wkoll fl-infrastuttura tal-iskejjel biex jilqgħu għal temperaturi għolja u miri ambjentali. Wera l-fehma li l-iskejjel għandhom ikunu ta’ eżempju għall-effiċjenza fl-enerġija u l-klassijiet ikollhom l-arja kundizzjonata kemm għal Skola Sajf u biex f’dak iż-żmien tas-sena jkunu jistgħu jintużaw b’kumdità għall-ħtiġijiet tal-komunità.

Irrefera għat-teknoloġija u qal li jingħataw tablets fl-iskejjel sekondarji u tfal fil-bżonn jibqa’ jkollhom aċċess għall-internet b’xejn kif ġara tul il-pandemija.