Aġġornat bir-reazzjoni tal-PL – il-Kap tal-PN iżur it-tarzna ta’ Palumbo

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil żar it-tarzna ta’ Palumbo, f’dik li fisser bħala żjara importanti u emozzjonanti għax fi kliemu hi l-ewwel darba li kap tal-Partit Nazzjonalista daħal fit-tarzna. Qal li permezz ta’ din iż-żjara hu jrid iwassal il-messaġġ li qalbu hija mal-ħaddiema.

Akkumpanjat mill-kap eżekuttiv tat-tarzna, Antonio Palumbo, il-Kap Nazzjonalista osserva l-ħidma f’din it-tarzna u tkellem ma’ wħud mill-ħaddiema. Hu feraħ lis-Sur Palumbo għall-intrapriża li rnexxielu jibni wara l-privatizzazzjoni u għall-investiment li għamel biex biddel l-andament ta’ din l-intrapriża, li f’sitt snin ħallset lit-teżor Malti mas-70 miljun ewro.

Hu esprima sodisfazzjon li l-proċess ta’ privatizzazzjoni tat-tarzna kien suċċess, li qed joħloq opportunitajiet ekonomiċi. Żied li s-settur marittimu mhuwiex biss ir-reġistrazzjoni tal-vapuri imma wkoll ix-xogħol fuq it-tiswija tal-vapuri li Dr Busuttil qal li kien, għadu u għandu jibqa’ importanti għall-ekonomija tal-pajjiż.

Mistoqsi mill-ġurnalisti fuq in-nomina tal-Gvern għall-Qorti Ewropea tal-awdituri, il-kap nazzjonalista qal li jekk il-Prim Ministru se jibqa’  jinsisti li jressaq in-nomina ta’ Leo Brincat għad-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri Ewropej se johloq kunflitt istituzzjonali bejn il-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew.  Dr Busuttil qal li b’hekk il-Prim Ministru jkun qed jpoġġi lil Malta bejn il-basla u qoxritha.

Intant b’reazzjoni għaż-żjara ta’ Dr Busuttil fit-tarzna tal-Palumbo, il-Partit Laburista qal li din tikkonferma kemm Dr Busuttil huwa insensittiv għar-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magċhom ir-residenti tal-Kottonera minħabba t-tarzna ta’ Palumbo u kemm b’mod sistematiku qed jaħdem kontra l-interess tar-residenti tan-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta. Il-Partit Laburista qal li Dr Busuttil injora l-inkonvinjent tal-istorbju u t-tniġġis tal-grit blasting u kompla poġġa l-melħ fuq il-ferita meta  faħħar dak li sejjaħ “standards ambjentali” għoljin tal-kumpanija, minkejja li saħansitra r-residenti marru l-Qorti minħabba dawn l-inkonvjenzi.