Lokali
Il-Kap tal-PN jattendi summit tal-PPE fi Brussell

L-isfidi li bħalissa qed tiffaċċja l-Ewropa kienu s-suġġetti ewlenin diskussi fil-laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew li saret illum fi Brussell u li ghaliha attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech.

Fi stqarrija tal-Partit Nazzjonalista ntqal li fl-ewwel okkażjoni tiegħu li jiltaqa’ personalment mal-mexxejja Ewropej, Dr Grech seta’ jitkellem iktar mill-qrib magħhom wara r-relazzjoni b’saħħitha li bena matul ix-xhur tal-pandemija.

Il-Kap Nazzjonalista appella lill-mexxejja Ewropej biex jaraw li l-piż tal-immigrazzjoni fil-Mediterran jinqasam iktar fost l-istati membri ħalli din l-isfida ma tibqax biss f’ħoġor pajjiżi bħal Malta.

Dwar il-pandemija huwa qal li l-Unjoni Ewropea għandha tibqa’ magħquda biex tara li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ikunu kapaċi jqumu għall-okkażjoni u tara li ħadd ma jibqa’ lura.