Politika
Il-Kap tal-PN jgħid li bl-ittra lill-FATF appella biex Malta ma titpoġġiex fuq il-lista l-griża

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li bl-ittra li kiteb lill-Financial Action Task Force, huwa appella biex Malta ma titpoġġiex fuq il-lista l-griża għax se jintlaqtu ħażin ħafna ħaddiema. Dr Grech wiegħed li mill-Gvern, hu se jkompli jaħdem biex il-pajjiż jerġa’ jikseb il-kredibilità. F’intervent telefoniku fuq NET FM, Dr Grech tkellem ukoll dwar numru ta’ proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista għall-qasam tas-saħħa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li bħala Kap tal-Oppożizzjoni diġà qed jaħdem biex jindirizza l-ħsara li diġà seħħet għal isem il-pajjiż. Qal li huwa ta’ tħassib il-fatt li Malta tpoġġiet għat-test tal-Financial Action Task Force li qal li l-pajjiż qatt ma kellu jsirlu.

F’intervent telefoniku fuq Net FM, Dr Grech qal li fid-dawl li tliet pajjiżi ewlenin ħassew li għandhom jivvutaw biex Malta titpoġġa fil-lista l-griża, hu ħass li kellu jikteb ittra li fiha qal li l-pajjiż ma jaffordjax dan għax se jintlaqtu numru kbir ta’ ħaddiema. Dr Grech wiegħed li jekk il-Partit Nazzjonalista jiġi elett fil-Gvern se jibqa’ jaħdem biex il-pajjiż jerġa’ jikseb il-kredibilità.

Mistoqsi dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista għal Għawdex, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk ikun fil-Gvern jieħu lura l-kontroll tal-isptar ġenerali f’Għawdex minn idejn il-barranin. Dr Grech qal li mhux sew li l-poplu jibqa’ jħallas il-miljuni u ma jieħux servizz kif jixraq. Żied li l-Għawdxin jinsabu rrabjati għax is-servizz tas-saħħa mhux talli ma tjiebx iżda mar lura għax l-investiment li kellu jsir baqa’ qatt ma sar.

Dwar is-saħħa mentali, il-Kap Nazzjonalista qal li fid-dawl li l-pandemija laqtet is-saħħa mentali ta’ kulħadd, irid ipoġġi dan il-qasam fuq quddiem nett biex jiggarantixxi kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies. Dr Grech qal li huwa tajjeb li wieħed jgħix u jaqla l-flus imma sostna li l-flus mhux kollox għax importanti li wieħed jgħix seren u l-ħajja jgawdiha.

Żied li l-Partit Nazzjonalista qed jipproponi l-bini ta’ sptar mentali ġdid qrib l-isptar Mater Dei biex titneħħa l-istigma li qal għad hemm marbuta mal-isptar Monte Karmeli. Qal li minbarra li mbagħad tiġi rijabilità l-binja, il-Partit Nazzjonalista qed iħares ukoll lejn il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità.

Dwar il-proġett pilota tad-dijabete, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan hu proġett li tejjeb il-ħajja ta’ dawk li bbenefikaw minnu u għalhekk qal li l-Gvern għandu jiftħu għall-aktar biex ikomplu jibbenefikaw minnu aktar nies li għandhom din il-kundizzjoni.

Dr Grech temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista qed jissaħħaħ u ma kull jum li jgħaddi qed juri li jista’ jkun Gvern alternattiv għax qal li l-pajjiż għandu bżonn bidla.