Lokali
Il-Kap tal-PN jgħid li Gvern Nazzjonalista jaħdem biex pajjiżna jattira ġganti tat-teknoloġija

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern jaħdem sabiex pajjiżna jattira ġganti tat-teknoloġija.

F’għeluq l-attivitajiet tal-Festi tal-Indipendenza fuq il-Fosos tal-Furjana, Dr Grech qal li Malta trid terġa’ tiġbed interess qawwi tal-investituri barranin. Q

Huwa qal li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jaħdem biex iġib lejn Malta kumpaniji bħal Google, Facebook u Apple.

Il-Kap Nazzjonalista stieden lill-Prim Ministru Robert Abela biex jagħżel post, ħin u moderatur u jkollhom dibattitu huma t-tnejn.

Qal li hu ma jibżax jikkonfronta l-ideat. Dr Grech wiegħed li Gvern Nazzjonalista jipproteġi lill-ħaddiema tal-Gvern u ma jkeċċi lil ħadd. Qal li biex ikun protett ix-xogħol fil-privat jeħtieġ li jkun hawn Gvern li jpoġġi lil Malta fit-triq it-tajba.

Sostna li mill-Oppożizzjoni stess il-Partit Nazzjonalista qed juri li jrid imexxi u qal li hu għalhekk li l-Gvern ħa deċiżjonijiet wara li l-Partit Nazzjonalista irsista fuqhom, jew kienu l-proposti tiegħu. Semma li kellu jkun il-Partit Nazzjonalista biex saret il-bidla u d-deputat Prim Ministru Chris Fearne biddel id-deċiżjoni tal-kwarantina fil-lukandi.

Dr Grech qal ukoll li l-proposta tal-vouchers kienet idea tal-Partit Nazzjonalista li qal l-Gvern l-ewwel irredikolaha u wara kkupjaha. Kompla jgħid li l-Ministru tal-Enerġija Miriam Dalli issa qablet mal-Partit Nazzjonalista li jeħtieġ li l-pajjiż ikollu t-tieni interconnector ma’ Sqallija.

Dwar l-ambjent il-Kap Nazzjonalista qal li Gvern Nazzjonalista jipproteġi art agrikola u l-kampanja Maltija.

Il-Kap Nazzjonalista qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jirdoppja l-capping tal-eżenzjoni tal-VAT minn 30,000 ewro għal 60,000 ewro. Qal ukoll li se jżid il-paga tal-edukaturi u se jressaq proposti għall-infermiera.

Dr Grech qal li Partit Nazzjonalista fil-Gvern ma jibgħatx lill-morda jittallbu għall-flus u qal li jaħdem biex Malta jkollha ċentru ta’ riċerka dwar il-kanċer. Dwar Għawdex tenna li se jagħmel helipad fuq l-isptar t’Għawdex u f’Malta u joħloq ix-xogħol fil-privat f’Għawdex ukoll.

Dr Grech qal li Gvern Nazzjoanlista jerġa’ jakkwista l-indipendenza tax-xandir nazzjonali. Qal li l-Prim Ministru Robert Abela taparsi aċċetta l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, imma mbagħad beża’ jieħu passi kontra Rosianne Cutajar, Carmelo Abela u Edward Zammit Lewis.

Sostna li dan hu Prim Ministru dgħajjef li jipperpetwa l-klima ta’ impunità. Il Kap Nazzjonalista staqsa kif jista’ Dr Abela jifhem lill-poplu Malti meta hu sab sodda mifruxa u mhux kellu jqatta’ bi snienu bħall-biċċa l-kbira tal-Maltin.

Dr Grech qal li għall-kuntrarju ta’ Dr Abela, hu m’għandux idejh marbuta fejn tidħol il-lista l-griża u qal li hu jinsab obbligat biss lejn il-poplu.

Dr Grech appella lil kull min irid il-bidla biex jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista.