Il-Kap tal-PN jgħid li hemm bżonn issir investigazzjoni dwar l-operat tal-Awtorità tal-Ippjanar

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Gvern ma jafx fejn tibda u tispiċċa l-governanza tajba. Huwa qal dan fid-dawl tal-każ li fih membru tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar inġiebet Malta minn Sqallija b’jet privat biex tivvota dwar l-iżvilupp fuq l-art tal-ITS, li swiet lill-awtorità €8,750. Huwa qal li dan l-ammont hu ekwivalenti daqs pensjoni ta’ sena u żied jistaqsi jekk din il-membru tal-bord kinitx daqshekk indispensabbli għall-votazzjoni waqt li qal li din kienet taf minn qabel bil-laqgħa.

F’konferenza tal-aħbarijiet quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, Dr Delia qal li mill-każ ħareġ li l-Gvern ma jafx fejn huma l-parametri ta’ min jieħu d-deċiżjonijiet. Fost oħrajn huwa semma’ li waqt li l-Prim Ministru qal li ma kienx infurmat bid-deċiżjoni, staqsa jekk kellux jiġi infurmat. Qal ukoll li waqt li l-Prim Ministru qal li dan il-każ mhux aċċettabbli, la qal x’mhux aċċettabbli u wisq anqas x’passi se jieħu. Żied li l-irwoli ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet mhux mifhum fejn jibdew u fejn jispiċċaw, kif deher fil-bidla fil-fehma tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar il-mod kif iddeċieda wara li tkellem il-Gvern.

Qal li d-dettalji u l-istqarrijiet li saru wara li sar il-każ komplew iżidu l-mistoqsijiet u l-bżonn li ssir investigazzjoni dwar l-operat tal-Awtorità tal-Ippjanar u kif qed tonfoq il-flus. Qal li l-Awtorità għandha tgħid pubblikament kemm tonfoq flus għall-ivvjaġġar u fi proġetti li huma fir-responsabbiltajiet tagħha.