Lokali
Il-Kap tal-PN jgħid li hemm provi biex Schembri u Tonna jiġu investigati

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li d-digriet tal-Maġistrat Aaron Bugeja juri li hemm provi biżżejjed biex iċ-Chief of Staff tal-Prim MInistru Keith Schembri u Brian Tonna jiġu investigati kriminalment minn Maġistrat. Fi kliemu dan l-iżvilupp juri li meta jgħid li għandu l-provi vera jkollu l-provi. Qal li juri wkoll li l-Prim Ministru nnifsu lanqas baqalu sieq waħda fuq xiex jieqaf.

Dr Busuttil tenna l-appell lill-Prim Ministru biex jitlaq issa għax kull ġurnata li jibqa’ fil-pożizzjoni, isem Malta jkompli jaqa’ lura u ta’ dan qal qed iħallas il-poplu. Appella wkoll lill-Prim Ministru biex jekk qed jegħreq hu ma jgħerriqx il-pajjiż miegħu. Tenna li post il-Prim Ministru mhuwiex fil-politika.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-elezzjoni mhix biżżejjed għax il-problema hi l-korruzzjoni, li fi kliemu jisimha Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi. Żied li anke d-deputat Laburista Godfrey Farrugia qatta’ l-karti ma’ Joseph Muscat. Ikkwota minn dak li kiteb Dr Farrrugia li ddeċieda li ma jixraqlux li joħroġ ma’ dak li qed isejjaħ lilu nnifsu Partit Laburista. Dr Farrugia kiteb li hu Laburist u ma jħossux postu hemm.

Dr Busuttil qal li minkejja l-ħafna proposti li se jwiegħed Joseph Muscat, bħala mexxej ta’ partit ma jistax iwiegħed l-onestà u l-integrità għax tilifhom. Żied li Joseph Muscat hu kapaċi jgħaddi ż-żmien bin-nies, u se jwiegħed kollox lil kulħadd. Fi kliemu l-Partit Laburista qed jibni kampanja sħiħa fuq il-biża’ li jekk jitla’ l-Partit Nazzjonalista kollox se jmur ħażin. Iżda fakkar li l-Partit Nazzjonalista għandu prestazzjoni tajba. Qal li kien il-Partit Nazzjonalista li bena l-pedamenti ekonomiċi tal-pajjiż u Joseph Muscat qata’ l-frott tagħhom. Qal li l-ekonomija dejjem marret tajjeb bil-Partit Nazzjonalista.

Fi kliem Dr Busuttil hemm xiri sfaċċat ta’ voti.  Dr Busuttil qal li meta tagħsar kollox din hi kwistjoni ta’ fiduċja f’min għandu, onestà, integrità u f’min għandu fiduċja l-poplu. Qal li l-għażla hi bejn Joseph Muscat u l-futur ta’ Malta.

Din l-attività politika saret f’għeluq ir-raba’ anniversarju mindu Dr Busuttil nħatar Kap tal-Partit Nazzjonalista.