Politika
Il-Kap tal-PN jgħid li jekk ikun fil-Gvern joħroġ lill-pajjiż mil-lista l-griża f’90 jum

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li jekk ikun fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalista se joħroġ lil Malta mil-lista l-griża tal-FATF fi żmien 90 ġurnata.

F’kollegament telefoniku fuq NET FM, Dr Grech qal li dan jista’ jseħħ għax il-Partit Nazzjonalista ma għandu l-ebda dellijiet fuqu u għalhekk jista’ jmur jiltaqa’ mal-gvernijiet barranin fl-interess ta’ Malta.

Dr Grech qal li Peter Agius se jkun il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista, ħatra li sostna tifforma parti mit-tiġdid fi ħdan il-Partit.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni wiegħed li Malta tista’ tikseb il-kredibilità tagħha u toħroġ mil-lista l-griża tal-FATF fi żmien tliet xhur jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern. Dr Grech qal li dan jista’ jseħħ għax il-Paritit Nazzjonalsta ma għandu l-ebda dellijeit fuqu tant li jista’ jmur jiltaqa’ mal-gvernijiet barranin fl-interess ta’ Malta.

Dwar it-tpoġġija ta’ Malta fuq il-lista ta’ riskju għoli għall-frodi u l-ħasil tal-flus fir-Renju Unit, qal li dan huwa riżultat tal-fatt li Malta tinsab fuq il-lista l-griża tal-FATF. Qal li r-Renju Unit huwa pajjiż rispettat u kredibbli u sostna li għalhekk huwa importanti li jkollna relazzjoni tajba miegħu.

Qal li minħabba l-‘grey listing’ ta’ Malta, dan qed jaffettwa lill-poplu Malti b’ħafna modi, u semma l-eżempju ta’ kif tinxtara l-propjetà f’Malta u meta jiġbdu l-flus il-Maltin, minħabba li skont Dr Grech se jibdew jiffaċċjaw aktar mistoqsijiet. Il-Kap Nazzjonalista qal li riżultat ta’ dan, kull Malti ser jibda jitqies bħala dubjuż. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista ser ikompli jaħdem biex Malta ma tibqax b’din ir-reputazzjoni.

Dwar il-pandemija, Dr Grech qal li minkejja li nbidel il-Minsitru tat-Turiżmu xorta waħda reġgħu saru l-iżbalji. Il-Kap Nazzjonalista tefa’ r-responsabilità fuq il-Prim Minsitru għal dak li qiegħed jiġri fir-rigward taż-żieda fil-każi pożittivi tal-COVID.

Dr Grech qal li wara li tħabbar kif Chris Peregin ingħaqad mal-Partit Nazzjonalista, din il-ġimgħa beda l-ħidma tiegħu Dr Peter Agius, li se jkun il-Kelliem Ewlieni tal-Partit Nazzjonalista u Koordinatur tal-Messaġġ Politiku tal-Partit, biex skont il-Kap Nazzonalista, il-Partit jilħaq setturi u votanti ġodda.

Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalsita se jkompli jiġġedded billi diversi uffiċċjali f’organi varji tal-Partit mhux se jerġgħu jikkontestaw il-karigi li kellhom u sostna li dawn il-persuni xorta jistgħu jkunu ta’ servizz tal-Partit Nazzjonalista. Il-Kap Nazzjonalista qal li dan it-tibdil huwa intiż biex il-Partit Nazzjonalista jkun l-għażla naturali għall-poplu Malti u Għawdxi.