Politika
Il-Kap tal-PN jgħid li l-infermiera huma eroj

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li l-infermiera huma eroj li qed jirriskjaw ħajjithom biex iħarsu s-saħħa tal-poplu waqt l-imxija tal-Covid-19.

F’laqgħa ma’ infermiera li jaħdmu fi sptarijiet differenti, il-Kap Nazzjonalista qal li l-infermiera jistħoqqilhom l-appoġġ b’kull mezz f’ħidmiethom għax qal li għalkemm huma l-iktar persuni esposti għall-virus, baqgħu jaqdu dmirijiethom b’sagrifiċċju, determinazzjoni u dedikazzjoni.

Il-Kap tal-PN mal-MHRA: “It-turiżmu l-aktar li ntlaqat mill-COVID-19”

U f’laqgħa oħra mar-rappreżentanti tal-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li s-settur turistiku huwa l-iktar qasam li ntlaqat mill-pandemija tal-Covid-19.

Dr Delia rrimarka li wħud min-negozji fl-industrija tal-ospitalità kellhom iwaqqfu ħesrem l-investimenti tagħhom minħabba l-imxija. Il-Kap Nazzjonalista qal li l-enfasi fuq it-turiżmu qed issir ukoll fuq livell Ewropew f’summits li qed ikollu mal-mexxejja tal-Partit Popolari Ewropew.