Politika
Il-Kap tal-PN jgħid li l-kriminalità qed tkompli tgħolli rasha

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-kriminalita’ qed tkompli tgħolli rasha u f’Malta jeżistu ghettoes. Intervistat fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia stieden lil dawk li jiċħdu din is-sitwazzjoni biex imorru sal-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u Buġibba, fost postijiet oħra, fejn qal li l-Maltin spiċċaw qegħdin jibżgħu f’pajjiżhom stess.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-kriminalità qed tkompli tgħolli rasha, fejn anke qtil spiċċa ġie reat ta’ kull xahar. Intervistat fuq Net FM, Dr Delia qal li min jgħid li ma jeżistux ghettoes f’Malta ma jafx x’qed jgħid. Semma bħala eżempju għadd ta’ lokalitajiet bħall-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra fejn qal kemm żgħażagħ u wkoll anzjani Maltin ma jħossuhomx siguri. Dr Delia qal li mhux sew li hawn min jibża’ joħroġ f’pajjiżu stess.

Il-Kap Nazzjonalista tkellem dwar il-PBS u qal li l-Prim Ministru qed iwettaq tassew dak li wiegħed. Skont Dr Delia, il-Prim Ministru jrid li x-xandir pubbliku jkun maħkum mill-Gvern. Dr Delia qal li apparti l-persuni tal-bord il-ġdid u karigi oħra, anke jekk wieħed jara l-programmi li se jkun hemm fl-iskeda l-ġdida tal-PBS jinduna li kollox hu immanipulat minn Kastilja. Qal li l-Partit Nazzjonalista qed jirsisti wkoll li ċ-chairperson tal-Awtorita’ tax-Xandir ma jkunx magħżul mill-Gvern, imma jkun indipendenti.

Dwar l-isptarijiet, Adrian Delia qal li fil-qorti hu se jġib lura l-isptarijiet għand in-nies. Wera t-tama li ħadd ma jfixklu kif qal li għamel l-avukat ġenerali. Kompla jgħid li malli terġa tiftaħ il-qorti wara l-btajjel tas-sajf, se jressaq xhieda importanti li għandha twassal biex joħroġ iżjed dak li sejjaħ il-qerq tal-gvern fil-ftehim ma’ Vitals. Qal li minn żjarat fid-djar, diversi pensjonanti urew il-weġgħat tagħhom u sostna li l-kwart ta’ miljun ewro li qed jisirqu lill-poplu l-Vitals jistgħu jintużaw biex jiżdiedu l-pensjonijiet għax qal li dan hu l-prezz li l-poplu qed iħallas tal-korruzzjoni. Qal li kemm f’dan il-każ u wkoll tal-Electrogas, il-Prim Ministru Robert Abela ma jistax jibqa’ jistaħba għax jgħid li huma ftehim li saru waqt Gvern Laburista preċedenti. Sostna li l-biċċa l-kbira tal-Ministri għadhom hemm u r-responsabbilita’ trid tinġarr.

Sitt xhur mit-traġedja ta’ Miriam Pace li mietet mirduma f’darha, Adrian Delia ikkwota l-kliem ta’ żewġha li kiteb li mietet għalxejn.Dr Delia qal li hawn ħafna familji mbeżżgħin fi djarhom minħabba l-iżvilupp li qed isir. Saħaq li l-Oppożizzjoni trid regolamentazzjoni b’saħħitha fil-qasam tal-bini.