Politika
AĠĠORNAT: Il-Kap tal-PN jgħid li l-membri tal-Gvern iridu jagħtu rendikont lill-poplu, iwieġeb il-Ministru Zammit Lewis

Meta indirizza l-Parlament iktar kmieni llum, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li l-maġġoranza tal-Gvern mhux eterna u l-membri tal-Gvern iridu jagħtu rendikont lill-poplu kollu Malti u Għawdxi.

Dr Grech qal li l-deputati tal-Gvern baqgħu jipproteġu lil xulxin, fosthom lill-ex Prim Ministru Joseph Muscat, l-ex Chief of Staff Keith Schembri u l-ex Ministru Konrad Mizzi. Il-Kap Nazzjonalista qal li hija sitwazzjoni biżarra li l-Ministru tal-Ġustizzja u l-Goverenza jitkellem dwar dan id-dekasteru meta hu nkixef li kien qiegħed f’komunikat kontinwu mal-allegat mandat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Intant, aktar kmieni fi stqarrija, l-Partit Nazzjonalista ppreżenta mozzjoni biex b’mod simboliku il-paga tal-Ministru Edward Zammit Lewis tonqos għal €1 biss, waqt li għall-Ministri l-oħra kollha l-Oppożizzjoni kienet u ser tibqa’ titlob li l-paga tagħhom tonqos b’€1 fis-sena, waqt li l-Parlament ikun qed jiddiskuti l-budget għas-sena li ġejja.

Bi tweġiba, il-Minsitru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li Dr Grech kellu joqgħod attent minn persuna qrib tiegħu li għadha tagħmel negozju u ma’ min għadu jikkomunika mal-allegat kriminal li semma’ huwa stess.

Dr Zammit Lewis qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jitwemminx meta l-President tal-Kummissjoni Eworpeja, Ursula von der Leyen, faħħret ir-riformi li għamlet Malta fl-aħħar xhur, u rrefera wkoll għal dak li qal il-Prim Imhallef li dawn ir-riformi jsaħħu l-ġudikatura u jkomplu jbiegħdu l-eżekuttiv mill-ġudikatura.