Politika
Il-Kap tal-PN jgħid li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkun konkluż meta toħroġ il-verità kollha

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jkun konkluż meta toħroġ il-verità kollha u sostna li l-investigazzjonijiet għad fadlilhom affarijiet oħrajn x’jistabbilixxu.

F’attività politika f’Ħaż-Żabbar, il-Kap Nazzjonalista qal li l-Gvern irid ikun trasparenti dwar il-pjan tat-tilqim. Dwar ir-riforma fil-kirjiet ta’ qabel l-1995 Dr Grech qal li se tiżdied it-tensjoni bejn l-inkwilini u s-sidien u sostna li l-Gvern se jkun qed jibgħat eluf ta’ persuni l-Qorti.

F’attività politika f’Ħaż-Żabbar, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li matul l-aħħar ġimgħa l-pajjiż ftakar fir-rabtiet bejn il-Gvern Laburista u ċ-ċrieki ta’ kriminalità.

Dr Grech irrefera għall-aħbar ippubblikata minn The Times of Malta jumejn ilu dwar l-allegat involviment tal-ex Ministru Chris Cardona fl-attentat ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2015 u qal li dan juri kemm l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ baqalhom ħafna x’jistabbilixxu. Il-Kap Nazzjonalista enfasizza li dan id-delitt jingħalaq biss meta ssir ġustizzja ma’ kull min kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u meta ssir ġustizzja ma’ min għadu jgawdi mill-flus tal-allegat mandant tal-qtil.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni għamel referenza għar-riżenja temporanja tas-segretarju parlamentari Rosianne Cutajar u qal li din saret b’rispett lejn il-Partit Laburista, u mhux lejn il-poplu kollu. Sostna li l-Prim Ministru falla test ieħor meta ma kellux il-kuraġġ li jneħħi lil Rosianne Cutajar mill-ewwel u aġixxa biss wara pressjoni mill-Oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili.

Dr Grech qal li filwaqt li l-Prim Ministru Abela ftaħar kemm l-istituzzjonijiet qed jaħdmu, il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-pulizija ma ħadux l-azzjonijiet fil-ħin fil-każ tal-inċident tad-double decker fiż-Żurrieq li fih mietu żewġ persuni u għaldaqstant xi akkużi ġew preskritti. Staqsa kif jistgħu l-ġenituri jħossuhom rashom mistrieħa fuq uliedhom meta l-istituzzjoniiet li suppost jiddefenduna qed jiddefendu l-kriminalità.

Dwar il-pandemija, il-Kap Nazzjonalista kkwota x’qal il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li 65% biss tal-anzjani bejn it-80 u l-84 sena ħadu t-tilqima, u staqsa kif nies jaħdmu fl-amministrazzjoni ta’ entitajiet tal-gvern li m’humiex f’kuntatt mal-poplu qed jingħataw it-tilqima. Dr Grech appella lill-Gvern biex jippubblika l-pjan tat-tilqim u qal li mhux aċċettabbli li l-Gvern ma jkunx trasparenti fejn tidħol is-saħħa u l-ħajja tan-nies.

Dwar ir-riforma fil-kera ta’ qabel l-1995, Dr Grech qal li b’dak li ħabbar Dr Abela se jkun qed jibgħat eluf ta’ persuni l-Qorti u jżid it-tensjoni bejn min jgħix fil-kera u s-sidien. Qal li l-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Gvern hu obbligat jipprovdi akkomodazzjoni soċjali lil min jistħoqqlu filwaqt li jiżgura li jintlaħaq bilanċ ġust bejn id-drittijiet tas-sidien u li kull persuna jkollha saqaf fuq rasha. Il-Kap Nazzjonalista qal li wara tmien snin, Gvern Laburista għadu ma pprovda ebda appartament wieħed ġdid għal għanijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. Dr Grech qal li bil-bidliet żgħar li ħabbar il-Gvern ilbieraħ il-problema tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 se tikber.