Lokali
Il-Kap tal-PN jgħid li Malta għandha l-potenzjal tkun pijuniera fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li Malta għandha l-potenzjal li tkun pijuniera fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Waqt li indirizza konferenza organizzata kull sentejn mill-Istitut tal-Accountants li ffukat fuq l-ambjent u l-iskart, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Malta kapaċi sservi ta’ eżempju għal nazzjonijiet oħrajn biex tindirizza l-isfidi kkawżati mit-tibdil fil-klima.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta u tenna li Gvern ġdid Nazzjonalista fi tliet xhur joħroġ lil Malta mil-lista l-griża tal-Financial Action Task Force. Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern jagħti s-saħħa lin-negozji biex ikunu fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea b’politika li tħares il-futur tal-pajjiż.

Il-Kap Nazzjonalista wera ruħu konvint li l-poplu kapaċi jdawwar il-paġna għal futur aħjar li jagħmilna lkoll kburin bih.