Lokali
Il-Kap tal-PN jgħid li Malta mhix stat ta’ mafja, imma s-saltna tad-dritt mhedda

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li għalkemm ma jaqbilx li Malta hija stat tal-mafja, is-saltna tad-dritt hija mhedda.

Huwa qal li r-rapport tal-kumitat PANA tal-Parlament Ewropew, wera li teżisti theddida għas-saltna tad-dritt, minħabba li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux qed jaħdmu kif suppost.

Il-Kap Nazzjonalista sostna li min jitkellem kontra l-ħażen, ma jistax jitqies bħala traditur.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-konklużjonijiet tar-rapport tal-kumitat PANA jikkonfermaw li s-saltna tad-dritt f’Malta hija mhedda. Dr Delia qal li konklużjoni oħra tar-rapport tgħid li l-Bank Pilatus qed jagħmel sarima ma’ ħalq il-ġurnalisti għax qed jippruvaw jiżvelaw informazzjoni fuq ċerti klijenti tal-bank. Qal li f’Malta min qed jitkellem dwar il-ħażin qed jiġi mgħajjar traditur.

F’attività politika fil-Marsa, Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni ilha aktar minn erba’ snin tgħid li Malta mhux pajjiż normali għax qal li l-istituzzjonijiet fil-pajjiż huma mnawrin mill-indħil politiku. Qal li mhuwiex qed jgħid hekk biex ibeżża’ lin-nies, imma għax skont Dr Delia, il-Gvern qed jimmanipula l-istituzzjonijiet biex ikun jista’ jindaħal fejn ma jesgħux.

Il-Kap Nazzjonalista qal li ma jaċċettax li Malta tissejjaħ Mafia State, imma qal li ma jistax ma jikkritikax lill-Gvern, li sejjaħlu korrott. Hu qal li fil-passat il-liġijiet kienu jitħaddmu u Malta ma kinitx ġungla, imma qal li issa l-Gvern qed jherrihom. Dr Delia qal li l-Maltin, speċjalment l-anzjani u t-tfal, qed jibżgħu joħorġu minn djarhom għax Malta m’għadhiex l-aktar pajjiż sigur fid-dinja.

Dr Delia qal li l-għassa tal-Marsa qed tkun magħluqa u l-Marsin mhux iħossuhom siguri fil-lokalità tagħhom. Qal li dan huwa mera tal-falliment tal-Gvern li fi kliemu mhux jinvesti fil-forzi tal-ordni. Qal li din il-biża’ ma tinħassx biss fil-Marsa, imma ma’ Malta kollha. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-ġid ma joħolqux il-gvern, imma l-ħaddiema u n-negozji Maltin.

Dwar is-sitwazzjoni fl-Isptar Monte Carmeli, Dr Delia qal li hija sitwazzjoni inaċċettabbli. Qal li filwaqt li l-Gvern qed jiftaħar bis-suċċessi fis-settur tas-saħħa, ħalla dan l-isptar jaqa’ biċċiet. Huwa faħħar il-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern u l-MUT, imma ddikjara li l-Gvern għandu kriżi li Malta qatt ma rat bħalha għax m’hawnx għalliema biex jgħallmu lill-istudenti.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem mill-Oppożizzjoni biex ma jħallix lill-Gvern jibqa’ għaddej minn fuq kulħadd mingħajr ma jagħti każ ta’ xejn u ta’ ħadd.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Koppja li ftit tax-xhur ilu adottat tifel mill-Indja esprimiet il-ferħ tagħha fuq is-siti soċjali, kif ukoll wasslet messaġġ biex it-tfal jiġu mgħallma iktar dwar id-diversita’, b’mod partikolari mill-ġenituri stess. Biex…

Kronaka

Viżibilment taħt xokk, Joseph Attard li lbieraħ kien fil-mira tal-ħalliel fil-ħanut tiegħu f’Ħaż-Żabbar, irrakkonta ma’ TVM kif hu, flimkien ma’ żewġt iħbieb tiegħu rreżistew il-ħalliel li anke spara b’arma tan-nar….

Kunsilli Lokali

Il-kunsilli ser ikollhom pubblikazzjoni maħsuba apposta biex tgħinhom jiksbu fondi addizzjonali minn programmi tal-Unjoni Ewropea. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u DAaron Farrugia u s-Sur Parnis. Iż-żewġ Segretarji Parlamentari,…

Kronaka

Kuntistabbli tal-Pulizija stazzjonat fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga llejla ngħata l-kura fl-isptar wara li sofra xi ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Il-każ ħareġ fil-pubbliku permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ facebook…

Aktar