Lokali
Il-Kap tal-PN jgħid li ż-żgħażagħ qalbhom maqtugħa u qed juru li jridu jmorru jgħixu barra

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li ż-żgħażagħ qalbhom maqtugħa u qed juru li jixtiequ jmorru jgħixu barra minn Malta minħabba dak li qed jiġri fil-pajjiż. F’attivita politika fin-Naxxar, Dr Grech ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex ikunu l-bidla għax Malta għandha bżonnhom.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech sejjaħ liż-żgħażagħ biex ma jaqtgħux qalbhom u jaħdmu mal-Partit Nazzjonalista biex isseħħ il-bidla li jeħtieġ il-pajjiż.

F’attività politika fin-Naxxar Dr Grech qal li l-istħarriġ tal-EY wera li 60% taż-żgħażagħ mhux qed jaraw futur fil-pajjiż u qed jgħidu lill-Gvern li dan mhux il-pajjiż li jridu. Dr Grech qal li ż-żgħażagħ qed iħossuhom frustrati u ma jridux aktar nepotiżmu għax dan qed jaqtgħalhom qalbhom li jtejbu l-ħiliet tagħhom. Qal li dan qed jiġri għax fil-pajjiż tkun premjat mhux fuq dak li taf iżda skont lil min taf. Spjega li din hija sitwazzjoni ta’ swied il-qalb għall-Partit Nazzjonalista iżda ħeġġeġ liż-żgħażagħ biex filwaqt li jimirħu f’esperjenzi barra l-pajjiż ma jaqtgħux qalbhom minn pajjiżhom għax dan jinħtieġ lilhom ħalli jibnu mill-ġdid lil Malta li hija għażiża għalihom. Dr Grech qal li dan jista’ jseħħ biss jekk jitla’ l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern għax huwa dejjem fetaħ il-bibien għaż-żgħażagħ fosthom fl-Università u l-MCAST biex iwessgħa l-opportunitajiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għexieren ta’ kumpaniji ddeċidew li jitilqu minn Malta wara li l-pajjiż tpoġġa fuq il-lista l-griża tal-FATF tant li huma biss 37% tal-investituri li jaraw lil Malta attraenti. Dr Grech qal li din is-sitwazzjoni tinħtieġ li tinbidel u r-reputazzjoni tal-pajjiż titreġġa’ lura kif kienet taħt Gvern Nazzjonalista.

Dwar il-finanzi qal li fil-budget li għadda l-Gvern ma qalx fiex nefaq €1.3 biljun. Qal li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex ikun isir magħruf x’kien dan it-tberbiq ta’ flus il-poplu.

Dr Grech ħeġġeġ biex ħadd ma jibqa’ jadura l-flus għax qed jintilef dak li huwa verament importanti għall-bniedem li huma r-relazzjonijiet umani, u qal qed jintilef il-valur tax-xogħol diċenti u l-valur li naħsbu f’xulxin. Dr Grech sostna li dawn il-valuri jispiċċaw meta l-flus biss jitqiesu importanti. Dr Grech qal li l-verità hija importanti ħafna iżda qed issir diffiċli li l-poplu jkun jaf il-verità anki jekk il-poplu qed jinduna bil-manipulazzjoni.

Dr Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela qed joħloq aktar inċertezza għan-negozji għax qed iħalli kollox fl-ajru dwar l-elezzjoni ġenerali. Spjega li n-negozji jeħtieġu ambjent ta’ ċertezza biex ikunu jistgħu jippjanaw wara l-perjodu tal-pandemija.