Politika
Il-Kap tal-PN jinsisti għal inkjesta fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li kif titlob is-saltna tad-dritt, il-Partit Nazzjonalista se jinsisti li jinħatar bord ta’ inkjesta indipendenti u imparzjali dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Wera l-fehma li l-poplu u l-familja Caruana Galizia għadhom qed jistennew li toħroġ il-verità kollha dwar dan id-delitt.

F’kollegamanet telefoniku fuq NET FM, il-Kap Nazzjonalista talab lill-Prim Ministru biex jispjega fil-Parlament għal xiex il-Gvern ma aċċettax it-talba tal-Oppożizzjoni biex il-liġi tal-protezzjoni tal-minuri tinkludi wkoll il-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf.

Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni trid taċċerta li l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma tkunx inkjesta għall-isem. Dr Delia reaġixxa għad-dikjarazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela li se titwaqqaf inkjesta pubblika fi żmien tliet xhur, kif qal ġie impost fuq il-Gvern mill-Kunsill tal-Ewropa. Il-Kap Nazzjonalista qal li jistenna li l-bord ta’ inkjesta jkun awtonomu, indipendenti, imparzjali u magħmul min-nies ta’ integrità. Qal li l-bord ta’ inkjesta m’għandux ikun maħtur mill-Prim Ministru waħdu. Żied li l-familja Caruana Galizia u l-poplu Malti u Għawdxi jistennew li ssir ġustizzja mal-verità.

Mistoqsi dwar il-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri, Dr Delia qal li hu inkredibbli li fejn suppost il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jaħdmu flimkien għax m’hemm l-ebda kwistjoni politika partiġġjana, il-gvern għażel li għal darb’oħra ma jaċċettax it-talba tal-Oppożizzjoni biex din il-liġi tinkludi l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf. Qal li hu għandu konvinzjoni li l-gvern hu maqsum fuq din il-kwistjoni. Skont Dr Delia, il-Gvern qed jeskludi lit-tarbija fil-ġuf bi ħsieb u stieden lill-Prim Ministru biex fil-Parlament jispjega għal xiex ma jridx jipproteġġi lit-tarbija fil-ġuf. Żied li dan hu valur li l-oppożizzjoni mhux se tiċċaqlaq dwaru.

Dwar il-liġi tal-kera, il-Kap Nazzjonalista qal li s-sitwazzjoni hija mwiegħra u sejra għall-agħar. Qal li l-liġi proposta setgħet saret ħafna aħjar fosthom għaliex il-gvern qed jitfa’ piż fuq il-privat flok isolvi l-problema hu. Spjega iżda li l-oppożizzjoni tirrikonoxxi li hemm partijiet minnha tajbin. Dr Delia qal li fl-istadju tat-tieni qari l-oppożizzjoni vvutat favur ir-riforma proposta, iżda bil-kundizzjoni li jitressqu emendi u jkun hemm skrutinju fil-kumitat.

Dwar il-kuntratt il-ġdid bejn il-Gvern u s-sidien tal-lukanda Fortina, Dr Delia qal li l-oppożizzjoni qed tibki għall-informazzoni bħalma kien seħħ fil-każ tal-Corinthia.