Lokali
Il-Kap tal-PN jipproponi reviżjoni tal-COLA biex tirrifletti l-għoli tal-ħajja

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, sejjaħ għal reviżjoni fil-mekkaniżmu li bih tinħadem iż-żieda li tingħata għall-għoli tal-ħajja għax qal li hawn min mhux ilaħħaq mal-ispejjeż biex jgħix ħajja diċenti, għall-mediċina bażika u biex jixtri affarijiet essenzjali. Intervistat fuq NET Television, Dr Grech spjega li r-reviżjoni tal-COLA hi waħda minn ħafna proposti li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista, li qal għandu viżjoni ambizzjuża biex iġib il-bidla mistħoqqha għal Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, qal li hawn min mhux qed ilaħħaq mal-ispejjeż minħabba l-għoli tal-ħajja u ppropona reviżjoni fil-mekkaniżmu tal-COLA li bih tinħadem iż-żieda għall-għoli tal-ħajja. Żied jgħid li apparti hekk, biex jiżgura ħajja dinjituża lill-poplu, il-Partit Nazzjonalista hu impenjat li mill-Gvern joħloq xogħol ta’ kwalità u mhux prekarju. Wera l-fehma li issa hu ż-żmien li tiżdied il-manifattura u l-attività kummerċjali fil-pajjiż.

B’referenza għall-ambjent, Dr Grech qal li l-Partit Nazzjonalista hu favur l-iżvilupp iżda mhux a skapitu tan-nies għax żied jgħid li għall-Partit Nazzjonalista hu importanti li l-bniedem mhux biss jeżisti, imma jgħix. Sostna li hu għalhekk li ma jistax iħalli lil min ikisser lil ħaddieħor biex jikber u jistagħna hu. Dr Grech qal li jekk wieħed irid jibni jista’ jagħmel dan imma jrid iħalli lil ta’ ħdejh jgħix b’mod seren f’daru u għalhekk irid isegwi r-regoli kollha. Qal li dan hu l-bilanċ li jrid jinħoloq fis-soċjetà, waqt li saħaq li mal-Partit Nazzjonalista wieħed jista’ jikber imma ma jistax jgħaffeġ id-drittijiet ta’ ħaddieħor.

Dwar il-proposta ta’ marina f’Wied il-Għajn, il-Kap Nazzjonalista qal li l-pożizzjoni tiegħu hi ċara li l-proposta li qed issir mill-Gvern mhijiex aċċettabbli. Qal li f’Wied il-Għajn il-Partit Nazzjonalista jorganizza d-dgħajjes tan-nies normali imma tal-miljunarji jsibilhom post band’oħra. Dr Grech qal ukoll li jekk ikun fdat bit-tmexxija tal-pajjiż jagħmel minn kollox biex l-art li ngħatat lil Sadeen tintradd lill-poplu.

Il-Kap Nazzjonalista qal li ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn Għawdex b’politika tal-medjokrità. Wera l-fehma li Għawdex hemm potenzjal enormi li ma jinstabx fl-iżvilupp tal-ġebla jew li tinbena kull roqgħa li hemm, imma fl-Għawdxin u li Għawdex issir gżira ekoloġika. Dr Grech qal li jrid ikisser l-idea li Għawdex qisu tat-tieni klassi. Tenna l-wegħdi tal-Partit Nazzjonalista li Għawdex ikollu żewġ helipads għal aċċess iktar mgħaġġel, li jkollu sptar ta’ 400 sodda, li jkabbar il-port tal-Mġarr, li jkun hemm żewġ vapuri ġodda, b’wieħed minnhom tal-merkanzija, u li l-kimoterapija u l-MRIs isiru Għawdex stess.

Il-Kap Nazzjonalista qal li kien ixxukjat b’dak li ġie żvelat minn ġurnal lokali li l-Partit Laburista allegatament kellu kumpanija privata biex jieħu l-flus mingħand Yorgen Fenech. Dr Grech qal li bit-tema Kun il-Bidla, il-Partit Nazzjonalista se jkompli jkun it-tarka ta’ dawk li jsofru inġustizzja. Sostna kif f’temp ta’ ġimgħa u nofs il-Partit Nazzjonalista kellu rispons tajjeb tant li qal li digà rċieva mal-100 proposta. Qal li l-Partit Nazzjonalista hu partit li mhux imsieħeb mal-kriminali u li l-kap tiegħu m’għandux chats mal-kriminali.