Politika
Il-Kap tal-PN jisfida lill-awtoritajiet biex Karl Cini tan-Nexia BT jiġi investigat

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, sfida lill-awtoritajiet biex f’temp ta’ 48 siegħa, Karl Cini tan-Nexia BT ikun investigat skont kif ħareġ mir-rapport tal-inkjesta Egrant. Dr Delia qal li jekk ma jsirx hekk, diġà ta struzzjonijiet lill-avukati tiegħu biex dak li mhux se jagħmel il-Gvern, jagħmlu l-Partit Nazzjonalista.

Dr Delia qal li jekk ma jsirx hekk, diġà ta struzzjonijiet lill-avukati tiegħu biex dak li mhux se jagħmel il-Gvern, jagħmlu l-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, qal li s-sena li għaddiet kienet sena li isem Malta ġie ikkalpestat. Dr Delia qal li fl-aqwa u fl-aħjar mumenti tal-Partit Laburista, kienu l-agħar għal Malta. F’attività politika f’Ħal Tarxien, Dr Delia rrefera għall-proġett tal-power station il-ġdida li sejjaħlu l-iktar proġett korrott tal-pajjiż. Hu qal li bih il-Gvern welled magna tal-ħasil tal-flus li qal wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Dwar id-dikjarazzjoni ta’ Chris Fearne li huwa għandu jiġi investigat, il-Kap Nazzjonalista qal li m’għandux x’jaħbi u Dr Fearne jista’ jitlob lill-Kummissarju biex minn issa ssir investigazzjoni fuqu u m’għandux għalfejn jistenna li jsir Prim Ministru. Dr Delia talab biex Karl Cini tan-Nexia BT ikun investigat mill-awtoritajiet skont kif titlob l-inkjesta Egrant. Qal li jekk ma jsirx hekk, diġà ta struzzjonijiet lill-avukati tiegħu biex dak li ma jridx jagħmel il-Gvern, jagħmlu l-Partit Nazzjonalista.

Dwar Robert Abela, Dr Delia qal li dan ta l-garanzija li mhu se jinbidel xejn għax fost oħrajn se jżomm l-istess Kabinett. Il-Kap Nazzjonalista qal li Dr Abela se jżomm lil Dr Muscat ħdejh biex jibqa’ jagħtih il-lezzjonijiet dwar kif imexxi b’detriment għall-poplu. Dr Delia qal li l-interess tal-Prim Ministru l-ġdid mhuwiex l-interess ta’ Malta.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista mhuma jipproponu xejn biex itejbu r-reputazzjonijiet ta’ Malta u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Qal li għadu ma qam ħadd mill-Partit Laburista biex jiskuża ruħu għal dak li ġara. Dr Delia tenna l-wegħda tal-Partit Nazzjonalista hi li se jibqa’ jiġġieled biex jagħti lura l-poter lin-nies mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd.