Politika
Il-Kap tal-PN jistaqsi min hu l-Prim Ministru

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, staqsa min hu l-Prim Ministru; jekk hux Joseph Muscat jew Keith Schembri, wara li rrefera għal sensiela ta’ sitwazzjonijiet li fihom qal li Dr Muscat gideb biex jipproteġi liċ-chief of staff tiegħu.

F’diskors fl-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Dr Delia appella anke lill-membri tal-Gvern biex iqumu u jsemmgħu leħinhom kontra l-korruzzjoni għall-ġid ta’ Malta.

Il-Kap tal-Parit Nazzjonalista  qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx qed jgħid il-verità meta qal li Keith Schembri mhux qed jiġi investigat mill-Pulizija fuq l-kumpanija 17 Black, u meta qal li m’hemm l-ebda konnessjoni bejn 17 Black, Keith Schembri u l-korruzzjoni.

Dr Delia qal li Dr Muscat lanqas qed iżomm mal-kliem li qal qabel l-elezzjoni, li Keith Schembri jirriżenja jekk ikun taħt investigazzjoni. Staqsa min hu l-Prim Ministru bejniethom it-tnejn.

Il-Kap Nazzjonalista żied jgħid li kollox inħema qabel l-elezzjoni tal-2013, tant li l-għada li l-kabinett ħa l-ġurament tal-ħatra, kienu diġà nfetħu l-kumpaniji Hearnville, Tillgate u Egrant fil-Panama. Allega li ġabu l-bank Pilatus f’Malta għax ħadd ma ried jiftħilhom kont bankarju.

Hu sejjaħ għar-riżenja tal-Ministru Konrad Mizzi għax, fi kliemu, qed jagħmel ħsara lil Malta ma kull ġurnata li tgħaddi. Qal li l-korruzzjoni tinsab f’setturi oħra, fosthom fis-saħħa, u semma l-ftehim li sar ma’ Vitals u tenna l-appell biex l-isptarijiet jingħataw lura lill-poplu. Il-Kap Nazzjonalista ħeġġeġ għal kuraġġ, inkluż fost dawk fil-Parlament fuq in-naħa tal-Gvern, biex iqumu u jiġġieldu l-korruzzjoni.

Dr Delia tkellem dwar iż-żieda fil-popolazzjoni, u qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern li jġib aktar ħaddiema biex jagħmlu iktar xogħol se jwassal għal problemi serji. Waqt li qal li dawn il-ħaddiema barranin qed jiġu trattati bħala nies tat-tieni klassi, staqsa jekk il-ħmistax-il elf ruħ ieħor li ġejjin is-sena id-dieħla hux se joqgħodu fit-torrijiet li qed jinbnew jew fil-garaxxijiet.

Dwar il-faqar, ta garanzija li gvern Nazzjonalista ma jħallix persuna waħda mingħajr saqaf fuq rasha. Qal li waqt li nies bħall-iżviluppaturi fl-aħħar snin raw żieda pożittiva fid-dħul tagħhom, il-ħaddiema ma kellhomx avvanz fil-paga tagħhom.

“Aħna l-partit tan-nies li se jitkellem għan-nies, li mhux jikkritika biss, imma li jressaq proposti konkreti sabiex jinħoloq il-ġid għal kulħadd f’soċjetà li jimpurtaha,” qal il-Kap tal-PN.

Dr Delia wiegħed li gvern Nazzjonalista jinvesti f’sistema ta’ trasport effiċjenti. Dwar il-proġetti tal-gvern fl-infastruttura tat-toroq, qal li biż-żieda ta’ elf karozza fix-xahar, dan il-proġett mhux sostenibbli, għax meta jitlesta, se terġa’ titfaċċa l-problema tat-traffiku. Qal li l-Partit Nazzjonalista għaddej bi studju biex iressaq soluzzjoni li tipprovdi trasport effiċjenti u li telimina l-problema tat-traffiku u tal-parkeġġ.

Dr Delia qal li gvern Nazzjonalista mhux ħa jibdel Kummissarju kull sena, iżda jġib is-serjetà fil-Korp tal-Pulizija. Qal li għandu jkun hemm aktar pulizija nisa mħarrġa fl-għases, biex jiġu indirizzati aħjar sitwazzjonijiet ta’ vjolenza domestika. Semma l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u qal li l-Partit Nazzjonalista fil-gvern se jagħti lura kull ċenteżmu li l-Gvern ħa żejjed f’dawn il-kontijiet.