Politika Lokali
Il-Kap tal-PN jitlob lil Simon Busuttil jissospendi ruħu mill-grupp Parlamentari

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li hu jaċċetta l-konklużjonijiet tal-inkjesta għax għandu fiduċja fil-Qorti. Dr Delia ħabbar li talab lil Simon Busuttil biex jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet politiċi li ħa u biex minnufih jissospendi lilu nnifsu mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Ħabbar ukoll li kien qed ineħħi lil Dr Busuttil mill-kariga ta’ Shadow Minister dwar il-governanza tajba.

F’konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li jaċċetta r-riżultat tal-inkjesta għaliex kellu u għad għandu fiduċja fl-istituzzjonijiet ġudizzjarji. Qal iżda li r-rapport tal-inkjesta għandu jiġi ppubblikat kollu.

Dr Delia qal li filwaqt li r-rapport jeżonara lill-Prim Ministru Joseph Muscat u l-familja tiegħu li huma sidien tal-kumpanija fil-Panama bl-isem ta’ Egrant, l-eqreb nies tiegħu nqabdu bil-fatti li kellhom kumpaniji moħbija fil-Panama. Dwar dan, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru jaf li għandu responsabbiltà politika li ma ġarrx.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia qal “issa nafu li għad hemm ħafna mistoqsijiet li għadhom ma ġewx imwieġba ovvjament nistennew ukoll ir-riżultati tal-pubblikazzjoni tar-rapport fl-entirety tiegħu, u jista’ jkun hemm li naraw xi fatti oħrajn li jirriżultaw.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ħabbar li talab lil eks kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex jissospendi ruħu mill-grupp Parlamentari Nazzjonalista. Iġġustifika din it-talba bħala mod kif Dr Busuttil iġorr ir-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet politiċi li kien ħa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia “f’dan il-kuntest ukoll, għax kif nafu din kienet parti integrali, li l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni kien għamilha bħalha tiegħu, aktar kmieni tlabt lil Simon Busuttil biex iġorr r-responsabbiltà politika huwa wkoll tad-deċiżjonijiet politiċi tiegħu u jissospendi ruħu mill-grupp Parlamentari biex ikollu ċans jiffoka fuq l-inkjesti li fetaħ huwa stess u li s’issa mhumiex konklużi biex hawnhekk ukoll toħroġ il-verità kollha. Qed inneħħi lil Simon Busuttil mill-kariga ta’ Shadow Minister dwar il-governanza tajba, b’din il-kariga se nassumiha b’mod temporanju jiena.”

Dr Delia qal li f’dawn id-deċiżjonijiet m’hemm ebda motivazzjoni personali, iżda saħaq li dan huwa l-mod kif il-partit għandu jimxi l-quddiem. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ma jista’ jħalli xejn ixekkel il-verità u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u f’dan il-kuntest il-kredibbiltà tal-Partit Nazzjonalista trid tibqa’ mhux mittiefsa. Temm jgħid li ħadd mhu akbar mill-partit, mill-verità u mill-pajjiż.

Ara hawn il-konferenza sħiħa:

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Simon Busuttil jirrifjuta t-talba tal-Kap tal-PN biex jirriżenja

Aħbarijiet Oħra
Immigrazzjoni

Matul il-lejl, grupp ta’ 61 immigrant mistennija jiddaħħlu Malta wara li sabu ruħhom f’diffikultà bejn sema u ilma. Stqarrija tal-Forzi Armarti qalet li ċ-ċentru tal-kordinazzjoni tas-salvataġġ Maltiillum tard waranofsinhar kien…

Infrastruttura

Il-pontijiet li jaqsmu l-ibliet u jħaffu t-traffiku huma meħtieġa iżda l-manutenzjoni tagħhom hija daqstant importanti biex jiġu evitati diżgrazzji. Ftit tal-ġimgħat ilu Infrastructure Malta lestiet l-ewwel fażi ta’ tisħiħ tal-Pont…

Ambjent

Wara li f’lejlet Santa Marija nirien ħakmu l-Maqluba fil-Qrendi u għal diversi jiem ma kinux ntfew għalkollox, l-espert fil-biodiversità, Alfred Baldacchino, qal li l-ħsara li saret m’hijiex biss fis-siġar li…

Aktar