Lokali
Il-Kap tal-PN jressaq mozzjoni parlamentari biex Edward Zammit Lewis jitkeċċa minn ministru

Il-Kap tal-Opożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Dr Bernard Grech qal li llum ressaq mozzjoni parlamentari biex il-Prim Ministrru jesiġi r-riżenja tal-Ministru Edward Zammit Lewis mill-kariga ta’ Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza u fin-nuqqas ta’ dan, ikeċċih minn Ministru.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li bl-aġir tiegħu, il-Ministru Zammit Lewis poġġa l-kariga pubblika fdata f’riskju u mhux denju li jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Gvern.

Il-Partit Nazzjonalista għamel referenza għal rapport f’The Sunday Times li fih ġie allegat li l-Ministru Zammit Lewis kien qed jikkonfoffa ma’ Yorgen Fenech dwar talba li kienet saret mill-ex Kap Nazzjonalista Simon Busuttil biex issir inkjesta dwar il-kumpanija 17 Black.

Il-Partit Nazzjonalista qal li pajjiżna jixraqlu li l-kariga ta’ Ministru għall-Ġustizzja u l-Governanza tkun okkupata minn persuna li ma tkunx assoċjat ruħha ma’ individwi li dwarhom kien hemm diġá allegazzjonijiet serji u li ma tkunx ipparteċipat fil-ħolqien u t-tħaddim ta’ kultura ta’ impunità li qal li wasslet għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.