Barranin
Il-kap tal-Pulizija jixhed li Chauvin ma mexiex skont il-proċeduri

Il-Kap tal-Pulizija ta’ Minneapolis qal li Derek Chauvin ma mexiex skont il-proċeduri li jiġu mgħallma lill-Pulizija meta kien qed jarresta lil George Floyd.

Medaria Arradondo kien qed jixhed fil-ġuri kontra Chauvin, eks membru tal-korp li huwa akkużat bil-qtil tal-Afro-Amerikan George Floyd f’Mejju tas-sena li għaddiet. Huwa qed jiċħad l-akkużi.

Il-każ għamel ħoss madwar id-dinja hekk kif l-arrest u l-mewt ta’ Floyd taħt l-irkoppa ta’ Chauvin ġew iffilmjati minn persuni li kienu fit-triq u mxandra fuq il-midja soċjali.

L-erba’ pulizija involuti fil-każ, fosthom Chauvin, ġew imkeċċija mill-korp tal-Pulizija.

Fil-Qorti Arradondo qal li Floyd ma kellux jiġi mrażżan b’dak il-mod meta waqaf jirreżisti, u iktar u iktar meta beda jidher li mhux qiegħed f’sikktu.

Saħaq li dan l-aġir mhux konformi mat-taħriġ li jingħataw il-pulizija u li żgur mhux parti mill-etika u l-valuri tal-korp.

Dan huwa s-sitt jum tal-ġuri fil-konfront ta’ Chauvin, li mistenni jdum għaddej xahar. Il-każ jista’ possibilment joħloq preċedent għal mod li bih jiġu trattati każi oħra simili fil-futur.

Ara wkoll:

ARA: Filmat juri l-aħħar mumenti ta’ Floyd – jitlob lill-pulizija jgħidu lil uliedu li jħobbhom