Stejjer Umani
“Wara trapjant tal-kliewi nista’ nkompli naħdem għall-Karnival”

Għal wieħed mill-karristi kien il-Karnival li żammu pożittiv fiż-żmien diffiċli li għadda minnu meta waqfu jaħdmulu l-kliewi u kien f’xifer li jmut.

Tonio Scerri jħossu grat li baqa’ jgħix wara li sarlu trapjant ta’ kilwa u jista’ jkompli jaħdem għall-Karnival li tant iħobb. Din is-sena dan il-karrist se jingħaqad ma’ erbatax-il karrist ieħor li din is-sena, flok karrijiet normali, se jesibixxu stallazzjonijiet tal-karnival fil-Belt Valletta u f’diversi lokalitajiet madwar Malta.

Tonio Scerri bħal donnu twieled mill-ġdid wara t-trapjant fil-kliewi. F’intervista ma’ TVM qal li ma kienx għall-intervent li għamel kien qed jirriskja li jmut.

Tonio għandu 36 sena, u sentejn ilu l-kliewi waqfu jaħdmu tant li kien imur ir-Renal Unit f’Mater Dei, għad-dijaliżi tlett darbiet fil-ġimgħa. Irrakkonta li f’dan il-perjodu tant diffiċli kellu jieqaf jaħdem għal rasu u jneħħi l-impjegati li kellu. “Għamilt sentejn u nofs ir-renal unit, jidħol il-karnival u nemmen li bis-saħħa tal-karnival imxejt ‘il quddiem, għax tinsa l-problema. Jien sar bniedem nieqes u ħadt trapjant mingħandu, erġajt qed ngħix mill-ġdid.”

Kien ix-xogħol artistiku li jagħmel għall-karnival li żammu pożittiv f’dan il-perjodu diffiċli. Iżda issa li għadda minn din il-burraxka, Tonio u ħuħ it-tewmi Alfred f’isem il-kumpanija tagħhom Twins Carnival Company, qed jaħdmu stallazzjonijiet li se jiġu esibiti fil-Belt Valletta għal żmien il-Karnival peress li din is-sena mhux se jsir minħabba l-Covid.

“Qed nagħmlu xi ħaġa żgħira, intaffu mill-weġgħa, nies qed inkunu mill-inqas minħabba l-pandemija,” fisser Tonio.

Minkejja fuq skala iżgħar, il-Karnival ta’ din is-sena se jkollu xorta r-Re tal-Karnival. Bħalma sar għal dawn l-aħħar 26 sena, ir-re tal-Karnival qed jinħadem minn Landa Carnival Company. “Fih ħafna inqas xogħol, imma mill-mitluf ħadna li stajna, daħħalna s-suġġett tal-pandemija mar-Re tal-karnival u ħloqna l-karru li qed taraw warajja,” spjega Clyde Axisa.

Id-direttur tal-Karnival, Jason Busuttil qal li l-Karnival din is-sena se jkun kemm fuq TVM bi produzzjonijiet bħall-Qarċilla, u stallazzjonijiet tal-karrijiet fil-Belt Valletta u f’diversi lokalitajiet. “Se nagħmlu stallazjonijiet karnivaleski l-Belt u stallazzjonijiet minn ex studenti tal-Unversità f’diversi postijiet madwar Malta.”

Is-Sur Busuttil qal li se tittella’ virtwalment wirja ta’ kostumi fil-Kavallier ta’ San Ġakbu. Fuq TVM se jintwera wkoll dokumentarju dwar l-istorja tal-Karnival. Is-Sur Busuttil qal li jekk il-pandemija tippermetti, fis-Sajf isir Karnival kbir b’karrijiet kbar. “Jekk naraw mass events, irridu nagħmlu karnival kbir fis-Sajf biex ikun stepping stone għall-karnival 2022.”

Il-Karristi u dawk kollha li jħobbu l-karnival diġa’ qed jaħdmu fuq il-kostumi u l-karrijiet tas-sena d-dieħla, bit-tama li jpattu bil-kbir għas-sagrifiċċju li qed ikollu jagħmel kulħadd minħabba l-pandemija.