Kronaka
AĠĠORNAT: Il-qtil doppju f’Tas-Sliema x’aktarx twettaq b’vendetta

L-investigaturi fid-delitt doppju ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Tas-Sliema qed jimxu fuq it-teżi li s-suspettati x’aktarx wettqu l-qtil tat-Tlieta filgħaxija b’vendetta għal xi ħaġa li għad mhix magħrufa, u l-għan ewlieni ma kienx li jisirqu xi affarijiet mid-dar.

TVM jinsab infurmat li l-vettura li ħarbu biha l-allegat qattiela nsterqet madwar sentejn ilu, waqt li l-pjanċi ta’ reġistrazzjoni nsterqu ftit qabel minn vettura oħra li kienet ipparkjata f’Paceville.

Il-mottiv tad-delitt doppju f’Tas-Sliema għad mhux magħruf, iżda sorsi spjegaw li fl-aħħar sigħat il-Pulizija għamlu progress fl-investigazzjonijiet u fl-identifikar tar-rabtiet soċjali u kummerċjali li l-vittmi seta’ kellhom ma’ ċrieki differenti tas-soċjetà, li jaf riedu jeħilsu minn Chris Pandolfino ta’ 58 sena u Ivor Maciejowski ta’ 30 sena, Brittaniku ta’ nisel Pollakk.

Sorsi li tkellmu ma’ TVM spjegaw li minn aktar stħarriġ tal-filmati miġbuda mill-kameras tas-sigurtà fiż-żona ta’ Triq Locker fejn seħħ id-delitt, irriżulta li t-tliet suspettati ħarbu minn fuq il-post b’vettura tat-tip Volkswagen bajda, li x’aktarx insterqet madwar sentejn ilu. L-investigaturi jidher li stabbilew ukoll li l-SUV kienet qed tinstaq bi pjanċi tar-reġistrazzjoni li nsterqu ftit qabel minn karozza oħra li kienet ipparkjata Paceville.

Għalkemm la s-suspettati u lanqas il-vettura li ħarbu biha għadhom ma nstabu, l-investigaturi qed jimxu fuq l-ipoteżi li din ma kinitx serqa li marret ħażin, iżda delitt ikkumissjonat u mwettaq b’vendetta. Sorsi qalu li wara li daħlu fir-residenza f’Tas-Sliema u qatlu liż-żewġt irġiel f’żewġ sulari differenti f’temp ta’ erba’ minuti, it-tliet suspettati dehru ħerġin b’mod normali ħafna u ma jidhirx li nstabu sinjali ta’ sgass.

Sorsi qalu li waqt li l-Pulizija mhu teskludi xejn, bħal f’ħafna każi simili għadha fi stadju bikri biex tiddetermina għaliex Pandolfino u Maciejowski nqatlu. It-tnejn iltaqgħu madwar erba’ snin ilu u kellhom passjoni kbira għall-arti, speċjalment dik kontemporanja, tant li l-Brittaniku kien negozjant u kollezzjonist tal-arti moderna.

Chris Pandolfino hu tabib, li madankollu bosta snin ilu beda jaħdem fil-qasam tal-investimenti u s-servizzi finanzjarji, fosthom f’Londra. Huwa kien issemma fil-Paradise Papers bħala wieħed mis-sidien tal-kumpanija Art Decor Properties and Interiors. Hu magħruf li fir-residenza f’Tas-Sliema, Pandolfino u Maciejowski kienu jżommu ammont konsiderevoli ta’ arti ta’ preġju u deheb, li t-tnejn kienu jħobbu jilbsu f’għonqhom u li jirriżulta xejn minnhom ma nsteraq.

Ara wkoll:

It-tabib Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski huma l-vittmi tad-delitt doppju f’Tas-Sliema