Kronaka
AĠĠORNAT: Il-karozza tas-sindku Alfred Zammit tingħata n-nar

Il-karozza tas-Sindku tal-Belt Valletta, Alfred Zammit, dal-lejl ħadet in-nar, f’dak li qed jiġi deskritt bħala att vandalu.

Il-Pulizija qalet lil TVM li kien għall-ħabta ta’ nofsillejl li ssejħet fi Triq in-Nofsinhar minħabba li karozza kienet qed taqbad. Fl-istess nar saret ħsara wkoll fuq karozzi oħra.

Riċentament is-Sur Zammit tkellem dwar karozzi li qed jingħtaw in-nar fil-Belt b’mod regolari.

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali kkundannat dan l-att vandalu u esprimiet solidarjetà mas-Sur Zammit. Qalet li fiduċjuża li l-investigazzjonijiet tal-pulizja jwasslu biex jinqabdu dawk responsabbli.

L-assoċjazzjoni appellat lir-residenti biex ikomplu jkunu ta’ sostenn għall-Kunsilliera tagħhom biex flimkien jaħdmu għal kwalità ta’ ħajja aħjar fil-komunità.

F’reazzjoni oħra, is-Sezzjoni Kunsilliera Partit Laburista wkoll ikkundannat l-attakk vandalu. Il-President tas-Sezzjoni Kunsilliera Partit Laburista, Mario Fava, qal li atti bħal dawn huma deplorabbli.

Is-Sezzjoni Kunsilliera Partit Laburista awgurat li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija jwasslu għal ġustizzja mas-Sur Zammit u mas-soċjetà inġenerali li qalet m’għandhiex tittollera azzjonijiet simili.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem għat-Tisħiħ tal-Gvern Lokali u l-Komunitajiet, Karl Gouder, ukoll iddepolora dan l-att u esiġa li ssir ġustizzja.