Trasport
Il-karozzi tal-linja se jiżdiedu biex iwasslu lin-nies għall-metro

F’laqgħa mal-ġurnalisti fiċ-ċentru ta’ informazzjoni tal-Malta Metro, il-Ministru Ian Borg qal li l-bini ta’ Metro se jwassal għal żieda fis-servizz tat-trasport pubbliku b’għadd ta’ karozzi tal-linja apposta li jieħdu lin-nies mill-irħula għall-eqreb stazzjon tal-metro.

Il-Ministru Borg qal ukoll li l-bini ta’ metro jwassal ukoll għal iktar żoni pedonali u anke identifika siti f’Tas-Sliema u l-Furjana.

Wara li s-Sibt filgħaxija tħabbru pjanijiet għal sistema ta’ metro f’Malta, il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li l-bini ta’ metro mhux se jsir waħdu iżda se jinkludi miegħu bidla fis-sistema tat-trasport pubbliku.

Waqt li kien qed jitkellem mal-ġurnalisti f’laqgħa fiċ-ċentru ta’ informazzjoni dwar il-metro, il-Ministru Borg qal li minħabba l-fatt li metro ma jistax jilħaq fiżikament kull rokna ta’ Malta għandhom jiġu introdotti karozzi tal-linja żgħar li jduru mal-ibliet u rħula u jieħdu lin-nies fl-eqreb stazzjon.

In-netwerk propost tal-metro jinkludi tliet linji li jiltaqgħu fi tliet postijiet u li joffru l-possibbilità li wieħed jaqleb minn linja għal oħra.

Is-sistema mfassla minn esperti barranin mill-kumpanija ARUP tipproponi wkoll 25 stazzjon taħt l-art fosthom wieħed fil-Belt, ieħor fil-Kottonera u ieħor biswit l-Isptar Mater Dei.

Matul il-laqgħa l-Ministru Borg qal li l-prezz li qed jiġi stmat li se jiswa proġett bħal dan jinkludi fih pjani ta’ kontinġenza, sabiex ikun maħsub għal dak li jista’ jmur żmerċ matul il-proġett, u li b’hekk il-proġett ma jispiċċax jieħu iktar flus milli maħsub.

Huwa qal li proġett bħal dan jaf iwassal sabiex ikollna iktar żoni pedonali u semma fost oħrajn Triq Sant Anna fil-Furjana u x-Xatt ta’ Tas-Sliema.

Mistoqsi dwar linja tal-metro għal Għawdex, il-Ministru Borg qal li ma tagħmilx sens li fil-gżira Għawdxija jkollok metro għal fatt li ma jgħixux biżżejed nies.

Huwa qal li l-popolazzjoni Għawdxija minn 20,000 trid tiżdied għal 70,000 sabiex tkun tagħmel sens finanzjarjament.

L-esperti barranin mill-kumpanija ARUP qalu li l-pjani huma estensivi ferm u jaħsbu għal għadd ta’ xenarji.

Fost dawn semmew l-iskariġġ għar-residenti minħabba t-tħaffir, fejn qalu li dan se jseħħ biss fejn tizbokka il-metro, u biex jinbnew l-istazzjonijiet iżda l-mini innifishom se jkunu wisq fil-fond sabiex jaffettwaw lil min jgħix fuqhom. Q

Huma qalu wkoll li l-iskart mit-tħaffir tal-mini mhux se jkun qed jintrema iżda se jintuża sabiex isiru bih anke binjiet.

Dwar kif se jiġu inċentivati persuni sabiex mill-karozza privata jmorru għal metro, il-Ministru Borg wieġeb li l-metro fadallu ħafna snin sabiex ikun lest u allura il-Gvern se jibqa’ jaħdem fuq il-preżent.

Huwa fakkar kif it-trasport pubbliku issa huwa b’xejn għal diversi faxxex ta’ nies u li fil-baġit li se jiġi ppreżentat fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jitħabbru dawk li l-Ministru tal-Finanzi ddeskriva bħala l-ikbar grants li qatt ingħataw għax-xiri ta’ karozzi elettriċi.