Kultura
Il-karristi jgħidu li l-messaġġ ġie interpretat ħażin iżda l-karru se jkollu jibqa’ fil-maħżen

Inqas minn xahar bogħod mill-Karnival, karru satiriku qajjem kontroversja. L-awtoritajiet iridu li l-karristi jbiddluh biex ma jkunx offensiv waqt li l-karristi qed jiddefendu l-idea tal-karru u jgħidu li ma ġietx mifhuma.

Sewwasew xahar qabel Malta tidħol fl-atmosfera tal-Karnival, faqqgħet kontroversja dwar karru li qed jinbena minn karristi li fost oħrajn juri l-Arċisqof Charles Scicluna u d-Dar San Ġużepp b’implikazzjoni dwar il-każi ta’ abbużi li seħħew snin ilu f’din id-dar.

Il-Ministru għall-Arti, José Herrera, qal li intervjena minnufih u ħa parir legali. F’reazzjoni, il-Ministru Herrera qal li l-Gvern u hu personali diġà wrew impenn għall-libertà fl-espressjoni artistika. Madankollu, Dr Herrera qal li jħoss li dan il-karru huwa insensittiv lejn l-Arċisqof u Dar San Ġużepp.

Rayvin Galea, li huwa wieħed mill-karristi, stqarr ma’ TVM li l-pubbliku interpreta ħażin il-messaġġ tal-karru. Is-Sur Galea spjega li l-figuri tat-trabi li jidhru fuq il-karru mhux jirreferu għat-tfal fid-Dar San Ġużepp iżda għat-trabi li jitwieldu bil-proċess tal-IVF.

”Ir-riferenza għal Dar San Ġużepp mhi qiegħda biex tweġġa’ lil ħadd. Anzi. Biex issir ġustizzja ma’ dawk ir-residenti li qabel kienu hemmhekk, sar abbuż fuqhom, u li sal-lum għadha ma saritx ġustizzja.”

Qal li għandhom parir li dan il-karru ma jiksirx il-liġi.

żżMa nafx għalfejn qed terġa’ tidħol din iċ-ċensura fuqna. Meta hemm il-liġi ċara li jien nista’ nagħmel dawn l-affarijiet.”

Is-Sur Galea spjega li l-karru jitkellem dwar diversi temi fosthom iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess, id-donazzjoni tal-isperma u s-surrogacy fost oħrajn.

”Dan bħal meta jgħid il-Malti li l-għeneb il-ġdid dejjem ikemmex il-ħalq.”

Ħuh, Etienne Galea, qal li ilhom jaħdmu fuq il-karru madwar xahrejn. Skont is-Sur Galea, kellhom l-approvazzjoni tal-karru minn Festivals Malta.

”L-uniku ħaġa li qalulna, mhux bil-miktub, jekk nistgħux ineħħu l-kelma Dar San Ġużepp.”

Il-karru jidher li darras lid-diriġenti tad-Dar San Ġużepp. Il-Provinċjal tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, Fr Louis Mallia, qal li l-kongregazzjoni lesta tieħu l-passi legali jekk il-karru jkun parti mill-Karnival. Dwar is-17-il tifel li jgħixu fid-dar, Fr Mallia qal li dawn jgħixu f’ambjent ta’ għożża.

”Għandna post sabiħ immens. Ovvjament qed nagħtu l-aħjar possibbli biex tfal li kellhom xi problema d-dar jistgħu jkunu maħbubin u nżommuhom fl-aħjar mod sabiħ possibbli f’din id-Dar San Ġużepp illum.”

L-Arċisqof Charles Scicluna stqarr, li filwaqt li s-satira ma ddejqux, qal li dan il-karru ma jixraqx għall-avviniment nazzjonali li għalih jattendu ħafna tfal.

TVM huwa infurmat li l-uffiċjali ta’ Festivals Malta qed jinsistu li l-karru mhuwiex skont l-isketch li kien approvatat minnhom. Huwa mifhum li għaddejjin taħditiet bejn iż-żewġ naħat iżda d-direzzjoni hi li l-karru kif inhu, ma jistax jieħu sehem fil-Karnival ix-xahar id-dieħel għax joffendi l-gost ta’ bosta.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli rriżenjat minn Membru Parlamentari. Hija ħabbret dan fuq il-midja soċjali, fejn qalet li bid-deċiżjoni tagħha infurmat lill-Ispeaker tal-Kamra. “Il-politika għandha tintuża biss biex jitkattar il-ġid komuni….

Edukazzjoni

In-nuqqas ta’ ilma f’żewġ skejjel tal-gvern f’Raħal Ġdid wasal biex il-union tal-għalliema, l-MUT ħarġet direttiva lill-edukaturi kollha fiż-żewġ skejjel primarji ta’ Raħal Ġdid biex minn għada ma jirrapurtawx għax-xogħol fiż-żewg…

Politika

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem appellat lill-Prim Ministru Robert Abela biex jintervjeni ħalli jiżgura li l-kumpaniji lokali kollha fl-industrija tal-films ma jkunux diskriminati u żvantaġġjati. L-Assoċjazzjoni għamlet dan l-appell wara li…

Trasport

F’kummenti ma’ Television Malta l-Ministru għat-Trasport Ian Borg qal li wasal iż-żmien li ssir diskussjoni dwar trasport sostenibli fil-Belt Valletta. Dr Borg qal li fid-dawl taż-żieda fl-attività ekonomika, kulturali u…

Aktar