Barranin
AĠĠORNAT: Il-Kummissjoni Ewropea tgħid li l-vot fil-Katalunja huwa illegali

90% tal-votanti vvutaw biex il-Katalunja tinqata’ mill-bqija ta’ Spanja biex tkun rikonoxxuta bħala stat indipendenti.

Il-Mexxej tal-Katalunja, Carles Puigdemont qal li issa r-reġjun għandu d-dritt jissejjaħ nazzjon u ħeġġeġ anke lill-Gvern Spanjol biex jiddikjara l-Katalunja bħala stat indipendent. Madankollu min-naħa tiegħu l-Gvern f’Madrid u anke l-Qorti Kostituzzjonali ddikjaraw li r-riżultat mħabbar ilbieraħ filgħaxija huwa wieħed illegali.

Aktar minn 2.2 miljun persuna ħarġu jivvotaw skont l-awtoritajiet minn 5.3 miljun persuna li setgħu jivvotaw. Dan ifisser li t-turnout tar-referendum kien 42.3%. Tul il-ġurnata tal-votazzjoni nqala’ ħafna ġlied bejn attivisti tal-Katalunja u l-Pulizija Spanjola tant li 761 persuna weġġgħu.

Min-naħa tiegħu Pugdemont qal li se jibgħat ir-riżultat lill-Parlament tal-Katalunja biex jiddikjara l-Indipendenza skont il-liġijiet tar-referendum.

Intant il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-vot meħud fir-referendum li sar fil-Katalunja huwa wieħed illegali għax ma sarax skont il-kostituzzjoni ta’ Spanja.

Fi stqarrija, il-Kummissjoni Ewropea qalet li jekk ir-reġjun tal-Katalunja jsir indipendenti mhux se jsir membru tal-Unjoni Ewropea b’mod awtomatiku.

Fl-isfond tal-atti vjolenti li ddominaw Spanja, il-Kummissjoni Ewropea saħqet li wasal iż-żmien li minflok il-konfrontazzjoni, il-partijiet konċernati għandhom jiddiskutu flimkien għall-paċi.