Kronaka
Il-katavru ta’ Paul Formosa se jinġieb f’Malta għad-difna

Il-katavru ta’ Paul Anthony Formosa li nqatel f’port fis-Somalja mistenni jinġieb Malta fil-jiem li ġejjin mill-kumpanija P&O li magħha kien jaħdem bħala manager tal-proġett fil-port ta’ Bossaso.

Espert fit-terroriżmu jemmen li l-Malti ta’ 52 sena nqatel intortament minħabba l-aġenda tal-organizzazzjoni terroristika Al Shabab kontra l-kumpanija li kien jaħdem magħha.

Bint il-vittma għamlet messaġġ imqanqal biex ħadd ma juża l-qtil ta’ missierha biex irewwaħ il-mibegħda razzjali.

Il-mottiv għaliex Paul Anthony Formosa nqatel fis-Somalja jaf qatt ma jkun magħruf wara li l-media Somala rrappurtat li fl-isptar ta’ Bossaso miet it-tieni u l-aħħar suspettat bil-qtil tal-Malti ta’ 52 sena.

Kmieni t-Tnejn filgħodu Abdullahi Mohamed Ibrahim u l-allegat qattiel li kien miegħu daħlu fil-port ta’ Bossaso jippużaw ta’ sajjieda u hekk kif lemħu lill-Malti sparaw tiri t’arma tan-nar fid-direzzjoni tiegħu

Formosa miet l-isptar ftit minuti wara waqt li kollegi tiegħu ndarbu. Kif seħħ l-attakk, is-servizzi tas-sigurtà fil-port sparaw tiri lejn il-qattiela u qatlu lil wieħed minnhom waqt li Ibrahim indarab gravi u miet kmieni t-Tlieta filgħodu.

Iż-żewġ suspettati kienu membri tal-grupp militanti Iżlamiku, Al Shabab li ħa r-responsabbiltà għal dan l-attakk. Dr Trevor Calafato, lecturer u riċerkatur fuq it-terroriżmu fl-Università ta’ Malta qal li l-Al Shabab li tfisser ‘żgħażagħ’ hi organizzazzjoni terroristika li qed tipprova twarrab il-Gvern tas-Somalja li hu appoġġjat mill-pajjiżi tal-punent u tiżviluppa Stat Iżlamiku.

“Huma għalkemm mhux grupp bħal m’huwa Al Qaeda u ISIS għandhom ideoloġiji pjuttost simili u spiċċaw eventwalment anke affiljaw ruħhom kemm mal-Al Qaeda u sa ċertu punt mal-ISIS” qal Dr Calafato.

Paul Anthony Formosa kien qed imexxi proġett tal-kumpanija P&O li hi sussidjarja ta’ DP World li hi bbażata f’Dubaj. Sentejn ilu l-kumpanija rebħet konċessjoni ta’ 30 sena mill-awtoritajiet tar-reġjun semi-awtonomu ta’ Puntland biex tiżviluppa u timmaniġġja dan il-port strateġiku. Kelliem għal Al Shabab qal li l-attakk sar għax il-kumpanija P&O qed tokkupa l-port ta’ Bossaso.

Dr Calafato qal li Paul Anthony Formosa nqabad f’dan il-konflitt mimli intriċċi vjolenti u politiċi fis-Somalja.

“Il-grupp irid ikollu poter biex ngħidu hekk pjuttost assolut fuq dak ir-reġjun u dan inzerta litteralment sfortunatament fil-ħin il-ħażin u l-post il-ħażin”

TVM jinsab infurmat li l-katavru ta’ Paul Anthony Formosa mistenni jinġieb Malta fil-jiem li ġejjin. Sorsi qalu li l-kumpanija li kien jaħdem magħha, P&O qed tikkordina u tiffinanzja l-vjaġġ.

Bint il-vittma, Sarah Formosa qalet lil TVM li missierha ma kienx negozjant iżda ħaddiem li dejjem ra kif se jtejjeb l-għixien tal-familja li tant kien iħobb. F’messaġġ lil min qed jipprova juża dan il-qtil biex ikebbes u jiġġustifika l-mibegħda razzjali, Sarah qalet li l-persuni li qed jiġu Malta minn dawn il-pajjiżi qed jaħarbu minn persuni li qatlu lil missierha.

Fi stqarrija, l-Imam Mohammed Elsadi, f’isem il-komunità Musulmana f’Malta, ikkundanna dan l-att terroristiku u wera t-tama li inċidenti iżolati bħal dawn ma jaffettwawx ir-relazzjoni tajba bejn il-Maltin u l-Musulmani f’Malta.