Lokali
Il-każijiet importati minn barra niżlu għal 20%

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-varjant Delta issa huwa predominanti fl-Ewropa u qal li f’Malta sal-ġimgħa l-oħra, 95 fil-mija tal-każi kienu minħabba dan il-varjant. Sostna li madankollu, il-fatt li f’Malta ħafna nies huma mlaqqmin, dan il-varjant ma laqatniex bħal f’pajjiżi fejn l-ammont ta’ tilqim għadu baxx.

Dr Fearne qal li sal-Erbgħa, 86 fil-mija tal-adulti Maltin kienu kompletament imlaqqmin, waqt li 88 fil-mija tal-adulti ħadu l-ewwel doża. Qal li fost it-tfal bejn it-12 u s-15-il sena, 86 fil-mija ħadu l-ewwel doża u 39 fil-mija huma mlaqqmin kompletament.

Id-Deputat Prim Ministru kompla jgħid li bħalissa 35 persuna qed jieħdu l-kura fl-isptar Mater Dei, 4 minnhom fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. Sostna li 3 minn dawk li qegħdin fl-ITU mhumiex imlaqqmin, fosthom mara tqila u persuna oħra li tbati minn kundizzjoni li biha l-immunità tagħha tkun baxxa. Dr Fearne qal li l-aħħar li kellna 1,300 każ attiv kien fl-aħħar ġimgħa ta’ Diċembru u dakinhar kien hemm 160 persuna l-isptar. Qal li dan ikompli jsaħħaħ dak li tgħid ix-xjenza li t-tilqima toffri protezzjoni qawwija kontra l-Covid 19.

Irrefera wkoll għall-parir dwar in-nisa tqal u qal li l-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta jsegwu l-parir tal-Malta College of Obstetricians and Gynaecologists li skontu hu eżempju ċar ta’ kif informazzjoni xjentifika tevolvi.

“Issa qed jidher li r-riskji li ma tiħux it-tilqima, kemm għalik u anke għat-tarbija huma ħafna ogħla mir-riskji tat-tilqima nnifisha. Allura l-Malta College of Obstetricians and Gynaecologists u c-Chairperson tad-Dipartiment tal-Obs and Gynae qed jagħtuna l-parir li issa nbiddlu ftit il-parir tagħna u dawk in-nisa li huma fit-tieni jew u fit-tielet trimestru tat-tqala tagħhom, fuq parir tat-tabib tagħhom huma mħeġġin jieħdu t-tilqima”, qal il-Ministru.

Dwar it-tielet doża tat-tilqima, imsejħa booster, Dr Fearne qal li l-awtoritajiet ħarsu lejn il-livell ta’ immunità fil-pajjiż u sostna li jidher li ma kienx hemm tnaqqis sinifikanti f’dawk li ħadu t-tilqima sitt xhur ilu. Sostna li għalhekk ittieħdet id-deċiżjoni li min-nofs Settembru li ġej tingħata l-booster lir-residenti fid-djar tal-anzjani u persuni vulnerabbli, fosthom dawk li qed jieħdu kimoterapija jew mediċina oħra u jkollhom livell baxx ta’ immunita’. Qal li dawn in-nies se jirċievu appuntament biex jieħdu l-booster.

Għall-mistoqsija ta’ TVM dwar jekk Malta hux se tibbenefika mill-ftehim li l-Kummissjoni Ewropea għamlet għat-tilqima Novavax, Dr Fearne qal li Malta għandha numru ta’ tilqim ibbukkjat minn din il-kumpanija. Spjega li din mhux se tintuża bħala l-ewwel doża, imma Malta se żżomm riżerva tat-tilqima Novavax biex jekk din taħdem kontra varjant ieħor tużaha immedjatament.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li fil-bidu ta’ Lulju, 60 fil-mija tal-każijiet kienu ġejjin minn barra, mentri illum il-każi impurtati niżlu għal 20 fil-mija. Qalet li dan juri li l-miżuri li ttieħdu ħadmu u semmiet l-istudenti tal-Ingliż li qalet kien hawn iżjed minn 700 każ pożittivi. Il-Professur Gauci qalet li dawn l-iskejjel issa jistgħu joperaw imma bi studenti mlaqqmin.