COVID-19
Il-każijiet ta’ coronavirus fid-dinja jaqbżu d-9 miljuni

Il-każijiet ta’ coronavirus fid-dinja qabżu d-9 miljuni. Nofshom, aktar minn 4 miljuni u nofs, irkupraw mill-virus. L-Istati Uniti baqa’ l-aktar pajjiż li għandu l-akbar ammont ta’ każijiet, segwit mill-Brażil u wara r-Russja. L-imwiet mill-virus madwar id-dinja qed joqorbu n-nofs miljun.

Fil-Messiku twieldu triplets, kollha pożittivi għall-Covid-19. L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li dan hu każ li qatt ma raw bħalu għaliex it-trabi li ġew ittestjati fl-ewwel sigħat ta’ ħajjithom, ma kinux f’kuntatt ma’ xi ħadd magħruf li għandu l-virus. Ix-xjentisti jaħsbu li dan il-każ jista’ jitfa dawl dwar jekk il-virus jgħaddix mill-omm għat-trabi fil-guf. Tnejn mit-tliet trabi jinsabu f’kundizzjoni stabbli filwaqt li t-tarbija l-oħra qed tingħata trattament għal mard respiratorju. L-awtoritajiet tas-saħħa jaħsbu li l-ġenituri setgħu kellhom il-virus u ma kellhomx sintomi. Huma jinsabu iżolati jistennew ir-riżultat tat-test tagħhom.

Ġew irrapportati 17-il każ ieħor fl-istat Awstraljan ta’ Victoria u kompliet tiżdied il-biża’ tat-tieni mewġa. Il-każijiet f’Victoria jammontaw għal kważi 90% tal-infezzjonijiet il-ġodda fl-aħħar ġimgħa.

F’Beijing ukoll ġew irreġistrati 13-il każ ġdid, biex issa l-ammont tat-tieni mewġa ta’ infezzjonjiet tela għal 249. Din il-belt Ċiniża kien ilha 57 ġurnata mingħajr każ wieħed ta’ trasmissjoni lokali madankollu aktar kmieni dan ix-xahar feġġgħet l-imxija f’suq kbir tal-ikel.

Anki l-Korea t’Isfel irrapportat 46 każ ġdid bl-awtoritajiet qed jgħidu li l-pajjiż qed jintlaqat mit-tieni mewġa. Qalu li l-ewwel mewġa fil-pajjiż intemmet f’April.

Intant, id-direttur ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa Tedros Adhanom Ghebreyesus, qal li l-akbar theddida li qed tiffaċċja d-dinja bħalissa mhux il-coronavirus innifsu iżda n-nuqqas ta’ solidarjetà u tmexxija globali.

“Ma nistgħux nirbħu l-pandemija b’dinja maqsuma,” qal waqt konferenza tal-aħbarjiet.

Tedros ma semmiex speċifikament lill-President tal-Istati Uniti Donald Trump li x-xahar li għadda qal li pajjiżu – li huwa l-akbar kontributur finanzjajru tal-WHO – se jtemm ir-relazzjoni mal-organizazzjoni.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Għall-ewwel darba minn Marzu l’hawn mindu feġġ l-ewwel każ ta’ coronavirus f’Malta, l-ebda pazjent bil-virus mhu qed jingħata kura fl-isptar Mater Dei. Fl-aġġornament ta’ kuljum kmieni waranofsinhar, l-awtoritajiet tas-saħħa qalu…

Barranin

Qorti Franċiża ordnat inkjesta dwar il-mod kif il-gvern ittratta r-rispons għall-firxa tal-coronavirus bl-investigazzjoni tiffoka fuq l-ex prim ministru Edouard Philippe. Dan sar wara lmenti li saru minn unions u tobba…

Barranin

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Portugiż qal li l-esklużjoni tal-Portugall mil-lista ta’ pajjiżi fejn il-kwarantina mhix eżenti għall-persuni li jridu jsiefru lejn l-Ingilterra hija assurda. Augusto Santos Silva qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-BBC…

Safar

Malta, Franza, Spanja, l-Italja u l-Ġermanja huma fost il-pajjiżi Ewropej li r-Renju Uniti iqis bħala pajjiżi b’riskju baxx. Tħallew barra pajjiżi bħall-Iżvezja, l-Istati Uniti u l-Brażil minħabba l-għadd għoli ta’…

Aktar