Il-Każini se jifilħu jagħmlu l-festi s-sena d-dieħla?

Numru kbir ta’ Maltin għandhom għal qalbhom il-festi u l-attivitajiet li jġibu magħhom fosthom il-baned u n-nar. Tkellimna ma’ Dr Noel Camilleri, Avukat u rappreżentant tal-għaqda nazzjonali għal-każini tal-Banda u Brian Bonniċi, persuna attiva ħafna fil-qasam tal-festa.

Dr Noel Camilleri spjega li l-piż li sofrew l-għaqdiet relatati mal-festa minħabba r-restrizzjonijiet imposti biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-COVID19, mhux żgħir. Biss ħafna mis-soċjetajiet tal-banda għamlu l-almu tagħhom biex ix-xogħol amministrattiv u anke dak mużikali, jibqa’ għaddej. Fil-fatt qegħdin isiru diversi lezzjonijiet tal-mużika b’mod virtwali. Tenna li l-impatt finanzjarju huwa wieħed kbir, dan għaliex fil-mument mhux qegħdin isiru attivitajiet soċjali li s-soltu kienu jiġġeneraw il-fondi.

Brian Bonniċi stqarr li l-ikbar telfa li ġrat f’dan l-ambitu, hija l-fatt li l-każini ma setgħux jagħmlu l-funzjonijiet tagħhom, funzjonijiet mhux biss relatati mal-festa u l-mużika imma wkoll is-servizz soċjali li l-każini jagħtu liċ-ċittadini tal-post speċjalment lill-anzjani tal-lokal, li ħafna drabi jiltaqgħu fil-każini biex jgħidu kelma bejniethom; “il-pandemija kixfet l-irwol fundamentali li għandhom il-każini fis-soċjetà”.

‘Popolin’ tkellem ukoll ma diversi rappreżentanti ta’ għaqdiet u baned tal-festa. Kollha esprimew dieqa għall-fatt li sar u għadu jsir ħafna xogħol li mhux se jkun possibbli jiġi esibit għall-pubbliku. Ilkoll spjegaw id-diffikultajiet finanzjarji li qed jgħaddu minnhom, minħabba l-fatt li attivitajiet soċjali ma jistgħux isiru. Qalulna li hemm ċans li anke fi snin li ġejjien ir-riperkussjonijiet ta’ din il-pandemija se jibqgħu jinħassu.

Ara l-programm kollu hawnhekk:-

Popolin