Unjoni Ewropea
Aġġornat: il-KE b’ittra formali addizzjonali dwar l-IIP – il-Gvern jgħid li ċ-ċittadinanza hi kompetenza nazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea (KE) ħarġet ittra formali oħra fil-konfront ta’ Malta b’rabta mal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.

Il-KE fetħet proċeduri kontra Malta u Ċipru fejn ħeġġithom jieqfu jagħtu ċittadinanzi għal ħlasijiet jew investimenti minn qabel.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li għalkemm Malta u Ċipru jibqgħu responsabbli ta’ min isir ċittadin tal-pajjiż dan kellu jsir b’rispett tal-liġijiet tal-UE.

Il-KE fetħet il-proċeduri kontra ż-żewġ pajjiżi f’Ottubru 2020 u għalkemm Ċipru waqqfet l-iskema tagħha mill-1 ta’ Novembru baqgħet tipproċessa applikazzjonijiet pendenti.

Kien għalhekk li l-KE ħarġet b’opinjoni formali dwar il-każ ta’ Ċipru.

Għalkemm Malta biddlet l-iskema, il-KE ħarġet ittra oħra formali fejn reġgħet esprimiet it-tħassib tagħha.

Iż-żewġ pajjiżi għandhom xahrejn biex iwieġbu lill-KE u jekk fil-każ ta’ Ċipru r-risposta ma tkunx sodisfaċenti l-każ se jispiċċa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Fil-każ ta’ Malta jekk it-tweġiba ma tkunx sodisfaċenti, il-KE toħroġ l-opinjoni tagħha dwar dan il-każ.

Jekk it-tweġiba ta’ Malta dwar l-opinjoni ma tkunx sodisfaċenti l-KE tieħu l-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

F’reazzjoni il-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel ma’ proċess trasparenti bbażat fuq meritokrazija wara li l-applikant ikun laħaq il-kriterji pertinenti. Fi stqarrija ntqal li l-proċess użat wassal biex persuni, mingħajr wisq skrutinju, u mingħajr ebda konnessjoni ġenwina ma’ pajjiżna, spiċċaw ingħataw ċittadinanza Maltija.

Min-naħa tiegħu, il-Gvern qal li nnota l-Ittra Addizzjonali ta’ Avviż Formali mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-inizjattiva taċ-ċittadinanza Maltija b’investiment u tenna bis-sħiħ li ċ-ċittadinanza hija kompetenza nazzjonali tal-istat membru individwali u għandha tibqa’ hekk.

Minkejja dan, il-Gvern qal li se janalizza l-kontenut tal-korrispondenza li rċieva u huwa lest li jkompli jieħu sehem fi djalogu kostruttiv mal-Kummissjoni Ewropea. Huwa qal li l-osservazzjonijiet se jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea fiż-żmien li ġej.