Xogħol
Il-KE tapprova €215 m fi skema biex tgħin lin-negozji u ħaddiema Maltin milquta mill-Covid-19

Il-Kummissjoni Ewropea approvat €215 miljun għal skema li twassal għal sussidji fil-pagi Maltin biex tingħata għajnuna lil dawk il-kumpaniji u setturi li ntlaqtu mill-Coronavirus.

L-iskema se tkun aċċessibbli għall-kumpaniji kbar u żgħar kif ukoll lil dawk l-individwi li jaħdmu bħala self-employed f’setturi li ntlaqtu ħażin mill-kriżi li ġabet magħha l-Covid-19.

L-għan tal-iskema huwa li jinżammu l-impjiegi filwaqt li jiġi evitat il-qgħad fi żmien fejn ħafna negozji jinsabu magħluqa jew tnaqqsilhom l-ammont ta’ xogħol sforz il-miżuri meħuda mill-gvern biex tiġi kkontrollata l-imxija.

Il-miżura mistennija tiffinansja parti mill-pagi tal-ħaddiema li f’xenarju ieħor kienu se jitwaqqfu għalkollox liema għajnuna se tkun ta’ €800 għal kull ħaddiem full-time fix-xahar. Din l-iskema tapplika għal 12-il xahar.