Lokali
Il-KE tapprova t-tiġdid tal-iskemi ta’ garanzija eżistenti tal-COVID-19

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp, l-MDB, ħabbar li l-Kummissjoni Ewropea, approvat it-tiġdid tal-iskemi eżistenti tal-Covid-19 bi tliet xhur oħra sal-aħħar tas-sena.

L-għan tal-iskemi tal-MDB huwa li titħares il-kontinwità tal-attività ekonomika waqt u wara l-pandemija. Dan biex ikun żgurat li l-kumpaniji milquta mill-COVID-19 jibqa’ jkollhom aċċess għall-faċilitajiet bankarji meħtieġa biex jiffinanzjaw l-operat tagħhom.

F’April tas-sena li għaddiet, l-MDB permezz ta’ garanzija tal-Gvern ta’ €350 miljun immobilizza l-likwidità tal-banek kummerċjali biex itejjeb il-provvista ta’ kreditu fl-ekonomija reali.

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp qal li b’hekk il-banek kummerċjali qed jitnaqqsilhom sostanzjalment ir-riskju fuq il-kreditu u fuq il-kapital, b’mod li nħoloq portafoll li jista jitla sa €777.8 million f’self fuq ’working capital’ għan-negozji kollha, irrispettivament mid-daqs jew settur.

Sostna li dan jista’ jintuża għal spejjeż marbuta ma’ pagi, spejjeż ta’ kiri u kontijiet tad-dawl u l-ilma fost l-oħrajn.

L-MDB qal li bis-saħħa ta’ din l-estenzjoni, se jkompli jiggarantixxi self ġdid approvat mid-disa’ banek akkreditati sal-aħħar tas-sena 2021. Aktar minn hekk, qal li din l-estensjoni hija applikabbli wkoll għall-Iskema ta’ Sussidju fuq ir-Rata tal-Imgħax tal-COVID-19 tal-MDB, li tipprovdi għotja li tlaħħaq 2.5 punti perċentwali fuq l-imgħax li għandu jitħallas fuq self għall-ewwel sentejn tat-terminu.

L-MDB żied iħabbar li sal-aħħar ta’ Settembru li għadda, madwar 610 negozji lokali, fis-setturi ekonomiċi kollha, gawdew minn dawn l-iskemi vantaġġjużi, u komplessivament ingħataw self fuq ’working capital’ għal valur ta’ kważi €510 miljun.

Qal li dan is-self huwa ekwivalenti għal 12.5% tas-self attwali li kumpaniji f’Malta għandhom mas-sistema bankarja, riflessjoni tar-rwol fundamentali tal-MDB biex jappoġġja l-attività ekonomika.

Iċ-Chairman tal-MDB, Prof Josef Bonnici, ikkummenta li “filwaqt li l-MDB issa qed idawwar l-attenzjoni tiegħu fuq l-iżvilupp ta’ skemi ġodda li jappoġġjaw investiment ġdid u tkabbir sostenibbli, aħna konxji li jista’ jkun fadal xi negozji li għadhom qed jiltaqgħu ma’ limitazzjonijiet ta’ likwidità u jista’ jkun li għadhom ma użawx l-iskemi tagħna. Għalhekk, din l-estensjoni hija aħbar pożittiva għaliex se tkompli tgħin lin-negozji jgawdu minn dan l-appoġġ disponibbli għalihom permezz ta’ dawn l-iskemi”.