Ekonomija u Finanzi
Il-KE tbassar li l-ekonomija Maltija tikber b’5.6% din is-sena

Il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li matul din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’5.6%, is-seba’ l-ogħla fl-Unjoni Ewropea li bħala medja mistennija li jkollha tkabbir ta’ 4.8%.

Għas-sena d-dieħla, il-Kummissjoni qed tbassar li l-ekonomija ta’ Malta se tibqa’ tikber b’mod b’saħħtu b’rata ta’ 5.8%, jiġifieri f’livelli ta’ qabel il-pandemija.

Minkejja li l-Ewropa tinsab imħassba b’żieda fil-każijiet tal-Covid-19 minħabba l-varjant Delta, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li wara sena iebsa, l-ekonomija ta’ Malta u ta’ pajjiżi Ewropej se jikbru b’rata ogħla minn dik imbassra fir-rebbiegħa tant li mistennija jilħqu livelli ta’ qabel il-pandemija.

L-ekonomisti tal-Kummissjoni Ewropea qalu li din is-sena l-ekonomija Maltija se tikber b’5.6%, jiġifieri punt perċentwali ogħla minn dak imbassar fir-rebbiegħa.

Fl-istess waqt il-Kummissjoni qed tbassar li l-ekonomija Ewropea se tikber b’medja ta’ 4.8%, 0.5% ogħla minn dak imbassar.

Fl-analiżi tagħha dwar Malta, il-Kummissjoni qalet li fl-ewwel tliet xhur tas-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’mod b’saħħtu u kien għalhekk li rrevediet ‘il fuq it-tbassir tagħha.

Hija qalet li dan kien xprunat ukoll minn żieda fil-fiduċja fost in-negozji u l-familji.

L-ekonomisti Ewropej innotaw ukoll ir-rata għolja ta’ persuni mlaqqma f’Malta u t-titjib fil-qagħda tas-saħħa pubblika u qalu li dawn wasslu għal tnaqqis fil-miżuri restrittivi.

Il-Kummissjoni qalet li l-attività ekonomika f’Malta tinsab fi triqitha biex tirkupra b’mod b’saħħtu wara li bosta negozji fis-settur tas-servizzi fosthom dawk tal-ikel u tal-akkomodazzjoni, qed jerġgħu jaraw ir-rota ddur b’mod b’mod tajjeb. Dan anke b’żieda fil-konsum tan-nies bl-iskema tal-vouchers.

Dwar id-deċiżjoni tal-FATF li tinkludi lil Malta fil-lista l-griża, il-Kummissjoni Ewropea qalet li din jista’ jkollha konsegwenzi limitati fuq l-ekonomija ta’ Malta.

Hija tenniet li t-tkabbir ekonomiku mistenni jibqa’ b’saħħtu sostnut minn settur turistiku li qed jirkupra b’mod gradwali, żieda fl-investiment privat u pubbliku sostnuti wkoll mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ekonomija Paolo Gentiloni qal li r-reviżjoni ‘l fuq fit-tbassir tal-ekonomija ewropea, huwa l-ogħla wieħed f’aktar minn għaxar snin.

Huwa qal li huwa kurċjali li l-pajjiżi Ewropej jirdoppjaw l-isforzi tagħhom biex ilaqqmu aktar nies u fakkar li t-tixrid tal-varjant delta huwa tfakkira li għadna ma ħriġniex mill-pandemija.