Ekonomija u Finanzi
Il-KE tbassar li l-ekonomija ta’ Malta se tirkupra b’mod b’saħħtu iżda jiddependi mit-turiżmu

Il-KE qed tbassar li kemm matul din is-sena kif ukoll fid-dieħla l-ekonomija ta’ Malta se tgħaddi minn dak li sejħet “irkupru robust”. Madankollu qalet li dan jiddependi minn ftuħ b’mod sikur tas-setturi turistiku ta’ pajjiżna.

Fit-tbassir tagħha għar-rebbiegħa, il-KE tirrikonoxxi li l-pandemija ħalliet impatt kbir fuq it-turiżmu u dan wassal biex il-Prodott Domestiku Gross (PDG) naqas sew.

Fl-istess waqt innutat li s-servizzi finanzjarji u l-gaming baqgħu għaddejjin.

Hija ssemmi kif il-pakkett finanzjarju tal-Gvern għen biex jittaffa n-nuqqas ta’ attività ekonomika u l-għajnuna fuq il-pagi u dik lin-negozji naqqsu l-impatt tat-tnaqqis fuq il-konsum.

Il-KE qed tbassar li l-ekonomija tara rkupru robust meta t-turiżmu jerġa’ jaqbad.

Hawnhekk issemmi li r-ritmu mgħaġġel tat-tilqim f’Malta, dak fir-Renju Unit u t-tnaqqis ta’ miżuri fl-istess Renju Unit għandhom ipoġġu lit-turiżmu fuq it-triq tal-irkupru fit-tieni nofs ta’ din is-sena.

Din is-sena qed tara tkabbir reali fil-PDG ta’ 4.6% li jkun dovut l-aktar għall-konsum domestiku, l-esportazzjoni u t-turiżmu.

Dwar il-qgħad il-KE tirrimarka li dan żdied bi ftit għal 4.3% mit-3.6 tal-2019 u ssemmi kif l-impjiegi mistennija jkompli jikbru imma b’pass kajman waqt li t-tnaqqis fil-qgħad ikun gradwali.

Fir-rigward tal-inflazzjoni tgħid li din is-sena mistenni jiżdied b’1.2% u jilħaq il-1.5% is-sena d-dieħla.

Dwar il-qagħda finanzjarja tal-Gvern tgħid li d-defiċit żdied b’aktar minn 10% tal-PDG fl-2020 bir-raġuni tkun l-ispiża relatata mal-pandemija li kient ta’ 6.5% tal-istess PDG.

Hija ssemmi wkoll it-tnaqqis fid-dħul indirett mit-taxxa u dak fil-konsum tat-turisti bħala raġunijiet ewlenin għal din is-sitwazzjoni.

Waqt li din is-sena qed tara d-defiċit tal-Gvern jiżdied bi 11.8% tal-PDG, l-irkupru fl-ekonomija u t-tnaqqis fl-għajnuna tal-Gvern għandhom iwasslu biex jonqos għal 5.5% tal-PDG.

B’reazzjoni għal dan it-tbassir, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-kummissjoni Ewropea qed tara li din is-sena t-tkabbir ekonomiku jkun ta’ 4.6%, darba u nofs it-tbassir li għamlet sitt xhur ilu.

Huwa rrimarka li s-sena d-dieħla l-KE qed tbassar li l-ekonomija tikber b’6.1%, darba u nofs il-medja tal-UE, u sostna li dan se jżid il-ġid fil-pajjiż.