Lokali
Il-KE telenka r-riskji u l-passi dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza u residenza għall-investituri fl-UE

Il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-istati membri bi skemi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment biex isaħħu l-kontrolli u l-iskrutinju li jagħmlu fuq l-applikanti minħabba r-riskji li dawn l-iskemi jistgħu jintużaw għal skopijiet ta’ evażjoni tat-taxxa jew ħasil ta’ flus. Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern Malti jaqbel ma ħafna mir-rakkomandazzjonijiet elenkati fir-rapport, waqt li għandu riżervi fuq xi punti imqajma fosthom dwar il-verifiki li qed isiru minn Malta fuq l-applikanti għaċ-ċittadinanza.

Fl-ewwel rapport tax-xorta tiegħu dwar l-iskemi ta’ residenza u ċittadinanza b’invesiment li qed jitħadmu f’20 mit-28 pajjiż-membru tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea osservat li m’hemmx biżżejjed informazzjoni dwar kif dawn l-iskemi qed jaħdmu u għalhekk se twaqqaf grupp ta’ esperti mill-istati membri biex itejbu t-trasparenza, il-governanza u s-sigurtà tal-iskemi.

Ir-rapport jiddentifika xi riskji li dawn l-iskemi qed jippreżentaw lill-Unjoni Ewropea b’mod partikolari fir-rigward tas-sigurtà, il-ħasil ta’ flus, l-evażjoni tat-taxxa u l-korruzzjoni. Ir-rapport jikkonkludi li n-nuqqas ta’ koperazzjoni bejn l-istati membri u n-nuqqas ta’ trasparenza, qed iżidu dawn ir-riskji.

Fil-preżentazzjoni tar-rapport, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, Vera Jourova rreferiet għal Ċipru, Malta u l-Bulgarija li qalet jippermettu l-għoti ta’ passaporti lil ċittadini barra mill-Unjoni Ewropea li jagħmlu investiment sostanzjali f’pajjiżhom.

Vera Jourova qalet “”I invested a lot of my time and energy to understand the Maltese and Cyprus systems, I got alot of information from the authorities but still I have to say that some of the concerns remain”.

Il-Kummissarju Jourova qalet li l-punti ta’ tħassib huma dwar verifiki aktar robusti kontra l-ħasil ta’ flus, u monitoraġġ adegwat tal-individwi li jippruvaw jużaw dawn l-iskemi biex igawdu minn regoli fiskali għal skopijiet ta’ taxxa.

Ir-rapport jinkludi proposti ta’ kif dawn l-iskemi jistgħu jitħadmu b’mod aktar responsabbli għax saħqet li d-dritt taċ-ċittadinanza jagħti drittijiet fosthom moviment ħieles fil-pajjiżi taż-żona Schengen.

Is-Segretarju Parlamentari għar-rifomi u ċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli qalet li l-Gvern Malti sodisfatt li l-Kummissjoni qed tirrikonoxxi l-benefiċċji ekonomiċi ta’ din l-industrija u jikkunsidra r-rapport bħala pass fid-direzzjoni t-tajba lejn standards ogħla u azzjoni aktar ikkordinata bejn il-pajjiżi li għandhom dawn il-programmi.

Julia Farrugia Portelli qalet “ninnota b’mod pożittiv li l-Kummissjoni ħadet ukoll nota tal-fatt dak li ilha tgħid Malta jiġifieri li l-pajjiżi jridu jikkollaboraw aktar flimkien fejn jiġu l-punt ta’ refusals dak il-punt ittieħed”.

Is-Segretarju Parlamentari qalet li r-rapport fih punti li l-Gvern ma jaqbilx magħhom fosthom li l-iskrutinju li qed isir fuq l-investituri tal-IIP hu inqas rigoruż minn ta’ persuna li tikseb iċ-ċittadinanza wara li tiżżewweġ Malti jew Maltija. Spjegat li l-proċess ta’ due diligence ta’ Malta hu kkunsidrat bħala l-aqwa wieħed fl-industrija waqt li l-programm Malti hu konformi mad-direttivi tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil ta’ flus.

Julia Farrugia Portelli qalet li Malta hi waħda mill-ftit pajjiżi Ewropej li tippubblika l-ismijiet tal-individwi li jiksbu ċ-ċittadinanza u kkonkludiet li l-awtoritajiet ħadu l-inizjattiva li jdaħlu miżuri li jindirizzaw it-tħassib imsemmi fir-rapport. Hija qalet li l-gvern iħares ‘il quddiem biex jaħdem mal-grupp ta’ esperti biex din l-industrija tissaħħaħ.

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem Karol Aquilina qal li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ta ċertfiikat li dak li ilu jgħid il-Partit Nazzjonalista dwar il-bejgħ tal-passaporti li dan qed jipperikola ir-reputazzjoni ta’ Malta. Qal li r-reputazzjoni ta’ Malta qatt ma kienet taħt il-lenti fil-passat, u huwa l-bejgħ tal-passaporti ġab miegħu bosta riperkussjonijiet serji għal Malta. Dr Aquilina qal li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza u se jibqa’ jagħmel pressjoni fuq il-Gvern biex jiġu mħarsa setturi relatati bħalma huwa s-settur tas-servizzi finanzjarji.

Mill-banda l-oħra, il-Partit Laburista fi stqarrija qal li r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea ħalla lill-Partit Nazzjonalista iżolat. Qal li minkejja d-diversi suġġerimenti li saru, il-Kummissjoni Ewropea mkien ma qalet bħal Adrian Delia li dawn il-programmi m’għandhomx jeżistu. Żied jgħid li hija ħasra li l-Partit Nazzjonalista qed jagħżel li minflok jieħu n-naħa ta’ Malta u l-investiment qed jieħu l-attitudni partiġjana li qal għandha l-għan ixxekkel il-ġid kbir li qed ikun attirat lejn Malta.

Aħbarijiet Oħra
Infrastruttura

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma minn għada se tibda tiswijiet fis-sistema ta’ katusi f’qiegħ il-baħar li jintuża għar-rimi ta’ drenaġġ trattat mill-impjant ta’ Għawdex. Il-ħidma delikata li għandha tieħu madwar tliet ġimgħat…

Kronaka

Raġel ta’ 33 sena weġġa’ gravi f’inċident bil-mutur f’Birkirkara. Il-Pulizija kienet infurmata bl-inċident fi Triq il-Wied għall-ħabta tal-4.45pm. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li s-sewwieq, li jgħix il-Pietà, kien qed isuq…

Saħħa

F’Malta hawn madwar 7,000 persuna li għandhom id-demenzja, bl-istudji juru li l-għadd mistenni jiżdied għal mill-inqas 13,000 sal-2050. L-esperti jemmnu li din hija biss ix-xifer tal-istampa, minħabba li għadd ta’…

Stejjer Umani

Għalkemm il-Maltin ikunu qed jistennew is-sajf bil-ħerqa biex jaqtgħu xi ftit mir-rutina ta’ kuljum tax-xogħol, mhux l-istess jista’ jingħad għal Alfred Attard li ilu aktar minn 40 sena jiġbor il-melħ…

Aktar