Unjoni Ewropea
Il-KE tfaħħar lil Malta għall-miżuri biex trażżan l-imxija u għall-appoġġ lin-negozji

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li Malta għamlet progress fil-ġlieda kontra l-ħasil ta’ flus, iżda għad trid taħdem iżjed biex issaħħaħ il-governanza u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Illum il-Kummissjoni ħarġet rakkomandazzjonijiet lil kull pajjiż-membru li jipprovdu gwida politika fil-kuntest tal-pandemija, b’enfasi fuq l-aktar sfidi urġenti li din ġabet magħha, u fuq kif l-ekonomiji se jibdew jirkupraw.

Fir-rapport fuq Malta, il-Kummissjoni faħħret il-miżuri tas-saħħa li qed jittieħdu biex titrażżan l-imxija u l-appoġġ tal-Gvern għan-negozji milquta.

“Indeed we are facing a shock without precedent” qal il-Kummissarju Ewropew għall-Eknomija u l-Finanzi Paolo Gentiloni.

Minflok is-sejħiet tas-soltu biex il-pajjiżi jkunu prudenti u jagħmlu r-riformi, il-Kummissjoni Ewropea qalet lil Malta u l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea li għalissa għandhom jiffukaw fuq is-saħħa u li jħarsu l-impjiegi.

“Urgent priorities include investing in health, protecting jobs, making sure companies have enough liquidity and tackling the impact on the society,” qal il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Valdis Domrovoskis.

Konxja mill-istaġnar ekonomiku u l-isfidi kbar li din il-pandemija ġabet magħha, il-Kummissjoni Ewropea bidlet it-ton tas-soltu u l-pakkett tas-Semestru Ewropew fih enfasi ġdida fuq kif fi żmien qasir il-pajjiżi jistgħu jtaffu l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi u fuq kif se jirnexxilhom jgħinu l-ekonomiji jirpiljaw bi tkabbir sostenibbli u inklussiv li jiffaċilità bidla ekoloġika u diġitali.

Fir-rapport fuq Malta, il-Kummissjoni għamlet referenza għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li kienet għamlitilha s-sena li għaddiet.
Fir-rigward tat-tisħiħ tal-qafas kontra l-ħasil tal-flus speċjalment dwar l-infurzar u l-politika ekonomika li tiffoka fuq edukazzjoni u taħriġ aktar inklussiv, il-Kummissjoni qalet li sar progress. Dwar it-tisħiħ tal-qafas ta’ governanza speċjalment biex jiġu jinvestigati u jittieħdu passi relatati mal-korruzzjoni, qalet li sar progress limitat. Kif mistenni, ma sarx progress fuq il-proposta tal-Kummissjoni li tiġi riveduta l-età tal-irtirar fid-dawl li l-Maltin qed jgħixu aktar fit-tul.

L-ewwel mill-erba’ rakkomandazzjonijiet għal din is-sena u s-sena d-dieħla hija biex kif il-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, Malta tkompli bil-miżuri fiskali li kienet qabdet u biex tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa fosthom fil-kura primarja, prodotti kritiċi u l-ħaddiema tas-saħħa.

Rakkomandazzjoni oħra taħseb biex ikun hemm arranġamenti adegwati għall-ħaddiema qegħda u biex tissaħħaħ il-kwalità u l-inklussività tal-ħiliet u l-edukazzjoni tagħhom.

It-tielet rakkomandazzjoni hija l-implimentazzjoni effettiva tal-likwidità lin-negozji affettwati fosthom dawk li jaħdmu għal rashom billi jkun jkun hemm investiment li jiffukaw fuq il-bidliet diġitali u dawk favur l-ambjent bħat-trasport sostenibbli, l-immaniġġjar tal-iskart, l-enerġija u r-riċerka u l-innovazzjoni.

L-aħħar rakkomandazzjoni hi dwar it-tisħiħ tal-governanza fosthom l-indipendenza ġudizzjarja, azzjoni għal min jipprova jabbuża mis-sistema tat-taxxa Maltija u biex ikomplu l-isforzi favur it-tnaqqis tar-riskji relatati mal-ħasil tal-flus.

Fir-rapport, il-Kummissjoni Ewropea faħħret lil Malta għall-miżuri li ħadet biex trażżan l-imxija u għall-appoġġ lin-negozji u l-ħaddiema.