Unjoni Ewropea
Il-KE tgħid li Malta qed tiddiskrimina ma’ karozzi impurtati mill-UE

Il-Kummissjoni Ewropea kitbet ittra formali lill-Gvern Malti talli naqas li jemenda r-regoli dwar it-tassazzjoni fuq il-karozzi.

Il-KE qed tqis il-liġi Maltija bħala waħda mhux kompatibbli ma’ dik tal-UE dwar l-importazzjoni tal-prodotti.

Fl-opinjoni tagħha karozzi impurtati minn stati oħra membri tal-UE qed jiġu ntaxxati aktar mill-karozzi domestiċi.

Taħt ir-regoli lokali f’Malta karozzi reġistrati għall-ewwel darba f’Malta mill-1 ta’ Jannar 2009 huma suġġetti għal taxxa fis-sena għola minn dawk reġistrati qabel din id-data minħabba l-mod kif tinħadem it-taxxa.

Il-KE sostniet li s-sistema tat-tassazzjoni tal-karozzi f’Malta ma tieħux konsiderazzjoni tad-data meta l-vettura tkun reġistrata l-ewwel darba u fejn ir-reġistrazzjoni tkun saret.

Hija għalhekk qed tqis is-sistema tat-tassazzjoni tal-karozzi f’Malta bħala diskriminatorja fil-konfront ta’ vetturi li ġejjin minn pajjiżi oħra tal-UE.

Jekk Malta ma taġixxix fi żmien xahrejn l-KE tista’ tiddeċiedi li tirreferi l-każ lill-Qorti tal-Ġustizzja.