Ekonomija u Finanzi
Il-KE titlob lill-awtoritajiet Maltin biex iżidu s-superviżjoni tagħhom fuq il-banek f’Malta

Il-Kummissjoni Ewropea talbet lill-awtoritajiet Maltin biex iżidu s-superviżjoni tagħhom fuq il-banek f’Malta. Il-Kummissjoni qalet fi stqarrija li adottat opinjoni biex il-Financial Intelligence Analysis Unit, FIAU, tkompli tieħu l-miżuri adizzjonali biex tassigura li Malta twettaq b’mod sħiħ id-direttivi Ewropej kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu, inkuż azzjonijiet ta’ sanzjonar fejn ikun meħtieġ.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Franz Timmermans u l-Kummissarju Věra Jourová saħqu li l-Unjoni Ewropea hija determinata li tiġġieled il-ħasil tal-flus u ser tkompli tieħu passi kontra l-pajjiżi li ma jimplimentawx sew id-direttivi tagħha. Il-Kummissjoni anke talbet lill-Awtorità Bankarja Ewropea biex tinvestiga l-awtoritajiet kompitenti fil-Latvja, fid-Danimarka u fl-Estonja fejn dal-aħħar tqanqlu każi serji ta’ ħasil tal-flus.

Fi stqarrija, l-FIAU qalet li tilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-passi li għamlet u innutat il-progress li sar. Dan wara li fis-sajf li għadda, l-Awtorità Bankarja Ewropea kienet tat tbeżbiża lill-FIAU dwar is-superviżjoni tagħha fuq il-bank Pilatus. L-FIAU issa għandha fi żmien għaxart ijiem tinforma lil Kummissjoni u lill-Awtorità Bankarja Ewropea dwar il-miżuri li ħadet u ser tieħu biex twettaq l-obbligi tagħha fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

Id-direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia qal li l-Aġenzija hija impenjata bis-sħiħ biex tassigura li s-servizzi finanzjarji ikunu protetti mit-theddida dejjem tikber tal-ħasil tal-flus. Żied jgħid li l-FIAU ħadet passi u għamlet riformi fil-proċess ta’ superviżjoni anke bl-użu ta’ riżorsi umani u tekniċi biex il-ħidma tagħha tkun iktar effettiva. Is-sur Farrugia stqarr li l-FIAU ser tkompli taħdem id f’id mal-Kummissjoni Ewropea biex tindirizza l-isfidi ġodda f’dan ir-rigward li qed jiffaċċjaw mhux biss f’Malta iżda fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-Kummissjoni Ewropea sejħet lill-istati membri bi skemi ta’ ċittadinanza u residenza b’investiment biex isaħħu l-kontrolli u l-iskrutinju li jagħmlu fuq l-applikanti minħabba r-riskji li dawn l-iskemi jistgħu jintużaw għal skopijiet…

Lokali

Il-Prim Ministru Joseph Muscat assigura li l-abbozz ta’ ftehim finali li se jiġi ppreżentat għall-ftehim mal-grupp Corinthia se jindirizza t-tħassib ġenwin li tqajjem minn kwartieri differenti. Mistoqsi dwar il-valur tal-art,…

Lokali

X Factor Malta ħabbar li r-rebbieħ ta’ The X Factor UK 2018, Dalton Harris se jkun il-mistieden speċjali għall-finali ta’ X Factor Malta. Dalton Harris flimkien ma’ James Arthur nedew…

Brexit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat fil-Parlament fisser il-passi li qed jieħu l-Gvern f’każ li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea mingħajr ftehim. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddikjara li l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ftehim bejn…

Aktar