Il-KE trid tħares lejn għodod ġodda fil-ġlieda kontra l-pornografija tat-tfal

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tindirizza infrastrutturi llegali online ġodda bħad-Darknet jekk verament trid tiġġieled il-pornografija tat-tfal fuq l-internet.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli qalet dan meta tkellmet kontra l-pornografija tat-tfal online matul dibattitu fis-seduta plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Miriam Dalli qalet li wasal iż-żmien li l-Kummissjoni Ewropeja taddatta d-Direttiva tagħha tal-2011 dwar il-pornografija tat-tfal billi tikkunsidra r-realtajiet teknoloġiċi tal-llum. “L-Unjoni Ewropea trid tħares lejn għodod ġodda li qed jiżviluppaw fosthom id-Darknet, infrastrutturi online klandestini li wieħed jaċċesshom permezz ta’ programmi anonimi bħat-Torlink,” qalet Dalli. Sostniet li f’dan l-internet klandestin il-pornografija tat-tfal qed tespandi bil-kbir.

Miriam Dalli semmiet kif f’Novembru li għadda l-Istati Uniti u l-iStati membri tal-Unjoni Ewropea ħadmu flimkien kontra dawn it-tip ta’ ‘siti’ f’operazzjoni imlaqqma ONYMUS. Qalet li “dan l-isforz globali jrid jissaħħaħ b’tali mod li nindirizzaw direttament il-pornografija tat-tfal li jkun hemm fuqhom”..

Dalli għamlitha ċara li ħadd m’għandu jillimita l-użu tal-internet minn ċittadini li jimxu mal-liġi imma fl-istess waqt irridu naraw li t-tfal jkunu imħarsa. Sostniet li din hija problema globali li tirrikjedi sforz globali. “Hija r-responsabilità tagħna li nipproteġu lit-tfal u nofrulhom ħajja serena. Ma nistgħux inħallu lil min jisirqilhom dak li jagħmilhom tfal, l-innocenza tagħhom,” sostniet Dalli.

L-MEP Maltija ikkonkludiet id-diskors tagħha billi qalet li t-tfal li jgħaddu minn din t-trawma jibqgħu mmarkati għal dejjem “għaliex dak ir-ritratt, dak il-filmat se jibqa’ jiġri warajhom għal ħajjithom kollha.”