Il-kejk favorit t’anġlu ta’ Puttinu

Sena wara li Valerie tilfet lill-binha bil-kanċer, hija se tkun qed tagħti spinta lill-memorja tiegħu f’attività filantropika b’risq Puttinu Cares.

F’ittra li kitbet omm Jacob, tifel ta’ tmien snin li miet f’Marzu tas-sena l-oħra, qalet li se tkun qed tagħmel il-kejk favorit ta’ binha, il-kejk tal-lumi biex il-flus mill-bejgħ tiegħu imorru b’risq dawk it-tfal li bħal Jacob qed jiġġieldu mal-kanċer.

Valerie Scerri, tirrakkonta l-esperjenza ta’ qsim il-qalb li għaddiet minnha meta l-ispeċjalista Victor Calvagna li huwa wkoll il-President tal-għaqda Puttinu Cares, bħal dan iż-żmien sentejn ilu nfurhom li l-kanċer f’Jacob reġa tfaċċa għar-raba’ darba.

Tgħid li kienet taf li ma kienx hemm aktar tama wara li binha kien iġġieled il-kanċer erba’ darbiet f’ħames snin u nofs.

Hija tirrakonta wkoll x’kienu wħud mix-xewqat li kellu Jacob fosthom li meta jikber jiltaqa’ ma’ tifla, jiżżewwiġha u jkollhom it-tfal. Ried jaħdem biex ikollu l-flus u kien saħansitra talab lill-ommu tgħid lil tal-ħanut biex iżommlu post għal meta jikber biex imur jaħdem hemm.

Valerie tgħid ukoll li ġimgħa qabel miet, Jacob talabha biex iġġiblu l-ingredjenti kollha meħtieġa biex jagħmel il-kejk favorit tiegħu – kejk tal-lumi.

Qalet li l-kejk kien għamlu kollu hu iżda ftit irnexxielu jiekol minnu.

Għall-attività tal-bejgħ tal-kejkijiet biex jinġabru fondi għall-Puttinu Care, hija se tkun qed tagħmel il-kejk favorit ta’ Jacob biex tgħin lil tfal oħra li qed jiġġieldu mal-kanċer fir-Rainbow Ward.

L-attività se ssir fil-21 u t-22 ta’ Marzu fiż-Żurrieq, Ħal Safi, il-Qrendi u l-Imqabba.

Hija tfaħħar ukoll il-ħidma ta’ Puttinu Cares li waqt żminijiet diffiċli jieħdu ħsieb kollox huma u kull ma riedet tagħmel hi kien li tiffukaw fuq binha Jacob.