Lokali
Il-kelba Daisy li tgħin tifel dijabetiku – tinduna meta z-zokkor jinżillu jew jitlagħlu ħafna

Il-klieb gwida nsibuhom ta’ għajnuna kbira għall-persuni neqsin mid-dawl. Tifel ta’ ħames snin li għandu l-kundizzjoni tad-dijabete Type 1 sab mhux biss kumpanija iżda għajnuna għall-kundizzjoni li għandu permezz ta’ kelba tar-razza labrador. Il-kelba hi mħarrġa biex tinduna meta l-livell taz-zokkor ta’ dan it-tifel jitla’ jew jinżel iżżejjed . . . u bil-mod tagħha tindika dan lill-ġenituri jew ‘l min ikun miegħu dak il-ħin.

Jack għandu ħames snin. Sena u nofs ilu nstab li għandu l-kundizzjoni tad-dijabete Type 1. Omm Jack, Christabel Calleja, spjegat li bħal oħrajn bħalu binha jrid iżomm taħt kontroll il-livell taz-zokkor u mal-ġurnata jrid jieħu l-insulna diversi drabi.

Kif qalet Christabel stess, maż-żmien it-teknoloġija għamlet passi kbar ‘il quddiem u llum hawn ħafna mezzi t’għajnuna biex jindikaw li dijabetiku jkun niżillu jew telagħlu z-zokkor. F’ħajjet Jack hemm Daisy; kelba ta’ sentejn tar-razza labrador li ilha għand il-familja tiegħu sena. Daisy hi mħarrġa mill-Fondazzjoni Service Dogs Malta biex takkumpanja lil xi ħadd bid-dijabete.

“Il-fatt li t-tifel iħossu li he has something special and he has a special friend f’Daisy li tgħinnu ħafna għaliex meta jinżel iz-zokkor hi xxommu u talertja lilna. Jiġifieri jekk qiegħed jilgħab barra, jekk iqiegħed jara t-television, wherever he is, she follows him u meta xxomm li qiegħed jinżel iz-zokkor ħa talertja lilna…. Il-bniedem meta jitla’ jew jinżel iz-zokkor il-bżieq tiegħu jbiddel ir-riħa, u dawn il-klieb tant ikollhom sens ta’ xamm tajjeb ħafna u jkunu trainjati, li meta jxommu din ir-riħa partikolari, fil-każ ta’ Daisy xxommu meta jinżillu l-iktar, ħa xxomm dik ir-riħa u għaliha jfisser li sabet xi ħaġa u ħa tieħu xi treat għaliex aħna wara nagħtu ftit ikel lilha bħala prosit, bħala thank you.”

Fil-ħin li qattajna ma’ Christabel, Jack u Daisy dehret ċar il-qrubija bejn it-tifel u l-kelba. Daisy tieħu ħsieb ħafna lil Jack u malli jillarga ftit minn ħdejha, saħansitra tibki, u tkun trid tmur tiġri ħdejh u toqgħod miegħu.

Jack Calleja jgħid “I think she likes me to carry because she’s always coming above me. She loves me. She climbs on me and does like this but hugs me here.”

Il-Fondazzjoni Service Dogs Malta jingħataw ġriewi u mbagħad ikunu jridu jsibu voluntiera li jżommuhom sakemm ikunu għadhom żgħar. F’dan il-perjodu, dawn il-voluntiera jagħtu taħriġ bażiku lil dawn il-klieb u meta jibdew jikbru jaraw għal liema tip ta’ servizz huma adatti. Dawn jinkludu klieb biex jgħinnu tfal bl-awtiżmu, oħrajn biex jiggwidaw lill-persuni neqsin mid-dawl, u klieb oħra biex jassistu bħal fil-każ ta’ Jack, nies bid-dijabete.