Agrikultura
Il-kirxa u l-mazzita ta’ Malta lura fis-suq bl-ewwel impjant ta’ trattament

Prodotti sekondarji tal-annimali lokali li kienu qed jintremew, issa se jerġgħu jibdew jinbiegħu fis-suq permezz tal-ewwel impjant f’Malta għat-trattament tagħhom.

Dan ifisser li dalwaqt il-konsumatur se jkun jista’ jerġa’ jibda jixtri prodotti Maltin bħall-kirxa u l-mazzita, u mhux biss dawk impurtati.

Dan l-investiment fil-biċċerija tal-Marsa, li se jammonta għal madwar mitt elf ewro, tħabbar mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali.

Il-Ministru Refalo spjega li l-użu ta’ dawn il-prodotti sekondarji intilef fl-aħħar snin, b’mod speċjali meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, minħabba li l-metodi ta’ proċessar li kienu jintużaw fl-imgħoddi ma baqgħux aċċettabbli, u ħadd ma daħal għall-investiment neċessarju.

Qal li permezz ta’ dawn il-prodotti, li għandhom valur potenzjal ogħla fis-suq, ir-raħħala Maltin u Għawdxin se jsaħħu d-dħul tagħhom u jdawru dak li sal-lum huwa skart, f’opportunità ġdida ta’ qligħ.

Sal-lum, il-parti l-kbira tal-prodotti sekondarji mill-majjal, iċ-ċanga, in-nagħaġ u l-mogħoż maqtula lokalment jinħarqu fl-Impjant Termali għat-Trattament tal-Iskart li jinsab biswit il-biċċerija. Is-sena li għaddiet ġew mormija madwar 1,700 tunnellata ta’ materjal li ħafna minnu jista’ jintuża.

Intqal li dan il-materjal jinkludi prodotti sekondarji li jistgħu jintużaw għall-konsum uman, bħall-kirxa jew id-demm. Prodotti sekondarji oħra, fosthom il-qarn ta’ xi annimali, jista’ jintuża għal skopijiet dekorattivi jew fi snajja tradizzjonali.