Unjoni Ewropea
Il-klima u s-saltna tad-dritt diskussa fil-Parlament Ewropew

Matul din il-ġimgħa l-membri tal-Parlament Ewropew qed jiltaqgħu fil-binja parlamentari fi Brussell. Fuq l-aġenda tas-sessjoni plenarja t’Ottubru għandhom diversi rapporti x’jiddiskutu. F’konferenza tal-aħbarijiet virtwali, l-Ewroparlamentari Maltin Miriam Dalli u Roberta Metsola qalu li fost l-oħrajn qed jiddiskutu proposta biex kull pajjiż jingħata l-fondi skont kemm issaħħaħ is-saltna tad-dritt u skont kemm jilħaq il-miri dwar it-tibdil fil-klima.

Matul din il-ġimgħa l-Parlament Ewropew ser jieħu diversi deċiżjonijiet biex fl-Unjoni Ewropea jidħlu numru ta’ liġijiet li mistennija jsaħħu d-demokrazija, is-saltna tad-dritt u anke d-drittijiet fundamentali. Ser ikun propost ukoll li l-fondi Ewropej li jingħataw lill-pajjiżi membri mill-budget għas-seba’ snin li ġejjin ikunu marbuta mal-osservanza tal-liġi tant li l-Ewroparlamentari qed jirrakkomandaw li jintuża mekkaniżmu oġġettiv li jkejjel kif kull pajjiż membru qed iħaddem is-saltna tad-dritt. B’dan il-mekkaniżmu l-pajjiżi ser jintrabtu inkella jonqsulu l-fondi.

Roberta Metsola qalet “dejjem għadna li aħna nixtiequ li dan il-mekkaniżmu jħares lejn kull pajjiż b’mod oġġettiv allura jingħata l-possibiltà li jirrispondi għal dawk l-obbligi li jkunu mistennija li jagħmel mill-Kummissjoni.”

Il-Parlament ser jiddiskuti ukoll rapport dwar it-tibdil fil-klima b’miri li jintlaħqu sal-2030 u sal-2050. Hemm sitt oqsma li dwarhom iridu jittieħdu deċizjoni ħalli jintlaħqu l-miri ambjentali fosthom l-industrija, l-enerġija, it-trasport, il-kostruzzjoni, l-agrikoltura u l-iskart. Qed ikun propost li jitwaqqaf Kunsill dwar it-tibdil fil-klima b’rappreżentanza mill-pajjiżi kollha.”

Miriam Dalli qalet “għalina din il-climate law hija l-qafas importanti jekk verament irridu naslu għall-carbon neutrality sas-sena 2050. Fil-fatt qed ninbuttaw li jkunu targets għall-Unjoni Ewropea kollha.”

Rapport ieħor li ser ikun diskuss hija s-sehem tan-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji fejn qed jingħad li dan irid jitla’ sa 40%. Ma jonqosx li matul din il-ġimgħa ser tkun diskussa wkoll il-kriżi li ħolqot il-pandemija u l-impatt li din qed tħalli fuq il-faċilitajiet residenzjali tal-anzjani. Tema oħra ta’ importanza kbira għal Malta huwa l-ftehim tal-immigrazzjoni, li jittratta solidarjetà bejn il-pajjiżi u r-ripatrijazzjoni tal-immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil.